Minn Cristian Muscat
Kif beda l-vjaġġ tiegħek fil-ġiri?
Bdejt nimxi u niġri meta kelli 35 sena, waqt li kont nistenna lit-tfal jispiċċaw mill-isport tagħhom. Għall-ewwel kont sempliċement immur mixja, u bdejt nipprova niġri xi ftit, imma kont naqta’ nifsi wara ħames minuti. Ma qtajtx qalbi. Bqajt nipprova u bil-mod il-mod bdejt inżid, għax kont tassew qed nieħu gost. Skoprejt li l-ġiri fin-natura kien jagħtini serħan il-moħħ u motivazzjoni.
Xi jfisser għalik li tkun atleta?
Li nkun atleta jfisser li għandi spazju tiegħi – mument fejn inkun jien u l-ħsibijiet tiegħi biss. Il-ġiri jagħtini paċi, enerġija u saħħa mentali.
Meta niġri, inħossni ħielsa. Inħossni ħajja. F’ġranet tajbin u f’ġranet diffiċli, dejjem naf li nista’ nara l-affarijiet b’mod aktar ċar wara ġirja.
Il-ġiri għallimni nkun paċenzjuża, konsistenti u nkompli nimbotta lili nnifsi anke meta kollox jgħidli nieqaf. Ħadni f’postijiet li qatt ma bsart li nasal fihom – mhux biss fuq mappa, imma f’qalbi wkoll.
Min kien dak il-persuna li ispirak biex tibda tieħu sehem fit-tlielaq?
Żgur li ma ninsa qatt l-ispirazzjoni tiegħi Jake Vella, żagħżugħ mibki li kien isegwini nigri u qalli: “Għaliex ma tippruvax tellieqa int ukoll?” Ġabli programm tat-taħriġ u ħajjarnì nagħmel l-ewwel tellieqa tiegħi f’Birżebbuġa. Minn hemm, il-vjaġġ tiegħi beda u d-distanzi baqgħu jiżdiedu.
Għandek mument li ma tinsiex relatat mal-ġiri?
Hemm ħafna mumenti li jibqgħu f’qalbi, iżda tnejn joħorġu b’mod partikolari:
- Meta temmejt it-Tokyo Marathon f’Marzu ta’ din is-sena. Din kienet ir-raba’ World Marathon Major tiegħi kif ukoll kienet l-ewwel tellieqa tiegħi fil-kontinent tal-Asja, f’pajjiż li kont ilni nixtieq inżuru sa minn meta kont għadni żagħżugħa. Esperjenza li qatt ma ninsa.
- U ovvjament meta ġrejt ghall-ewwel darba 100 kilometru u għaddejt il-linja finali ta’ Race to the Stones fl-Ingilterra f’Lulju ta’ din is-sena. Ħassejtni qisni qed ngħix ħolma. Il-ħolma li niġri 100 kilometru kienet ilha tberren f’moħħi għal xi erba’ snin, imma dejjem rajtha bħala xi ħaġa impossibbli li nilħaq. Iżda, dak in-nhar, għalkemm kont emozzjonata u għajjiena, fuq kollox kont ferħana u grata li rnexxieli nrealizza ħolma li darba kienet tidher imbiegħda.
Kif tibbilanċja l-ġiri mal-ħajja personali u familjari tiegħek?
Niprova norganizza l-ħin tajjeb. Il-familja tiegħi tappoġġjani u anke huma jħobbu l-isport, għalhekk il-ġiri sar parti naturali minn ħajti. Jiena u r-raġel tiegħi ħafna drabi niġru flimkien, u dan jgħinna norganizzaw aħjar il-ġurnata u nsibu mumenti li naqsmu flimkien waqt l-attività li tgħaqqadna.
Kultant ifisser li nqumu kmieni ħafna jew li nippjanaw minn qabel biex kollox jaqbel mal-bżonnijiet tal-familja. Meta jkollok nies li jemmnu fik, kollox isir possibbli. Il-ġiri saħansitra jkabbar l-għaqda bejnietna bħala familja u bħala kopja, u jgħallimni napprezza saħansitra l-iċken dettalji ta’ kuljum.
Kif taħseb li n-nisa jistgħu jiġu mħeġġa biex jidħlu aktar fl-isport?
L-ewwel u qabel kollox, irridu nemmnu iktar fina nfusna! Kultant nibżgħu li m’aħniex kapaċi, jew li l-età biex nibda xi sport għaddiet. Imma l-isport m’għandux età u lanqas limitu. Għandek kemm għandek żmien, m’hemmx ħin ħażin biex tibda tieħu ħsieb tiegħek innifsek. Jekk tibda b’pass wieħed, tista’ tasal ferm ‘il bogħod.
L-aħjar rigal li mara tista’ tagħti lilha nnifisha huwa l-ħin – ħin biex tisma’ ġisimha, u ħin biex tgħix ħajja b’aktar saħħa, enerġija u ferħ.
M’għandniex inqabblu ruħna ma’ ħaddieħor – kull ġisem għandu r-ritmu tiegħu u kull storja hija valida.
Jiena, bħala omm u mara li taħdem, naf x’jiġifieri li jkollok ġranet impenjattivi, imma naf ukoll x’benefiċċju għandu l-ġiri f’ħajti. L-isport tani paċi, saħħa u kunfidenza, u nixtieq li kull mara tesperjenza dan ukoll – anke jekk ma tkunx għal kompetizzjoni.
Kun inti l-ispirazzjoni tiegħek!
X’parir tagħti lil min għandu xi ħolma fl-isport?
Tibżax tibda. Ħadd mhu qed jiġġudikak. L-ewwel pass hu dejjem l-aktar diffiċli, imma hu wkoll l-aktar kuraġġuż. Jekk tibda b’pass wieħed, illum tkun qed tipprova tmur għal mixja jew ġirja qasira, u għada taf tkun qed taħseb biex tagħmel tellieqa… jew forsi saħansitra maratona!
Emmen fik innifsek, anke jekk ħaddieħor għadu ma jarax dak li tista’ tasal għalih. Ħolma sportiva ma ssirx realtà f’ġurnata – imma bil-pass, bil-paċenzja u bil-konsistenza.
Ħafna drabi mhux it-talent li jgħodd, imma r-rieda li tqum kuljum u tagħmel l-almu tiegħek.
U jekk xi darba taqa’ jew taħseb li mhux ser tasal, iftakar min fejn u għaliex bdejt.
Ftakar li kull pass li tagħmel lejn il-ħolma tiegħek huwa rebħa fih innifsu.
U m’hemmx età, m’hemmx limitu, u m’hemmx regola waħda kif tasal – hemm biss il-verżjoni tiegħek tal-ħolma!