Saturday, December 21, 2024

Il-Vjaġġ li jmiss għall-SMEs fil-kuntest tat-Tkabbir Sostenibbli

Aqra wkoll

It-tema ewlenija tal-SMEs National Forum 2021

Għal għexieren ta’ snin, it-tkabbir ekonomiku u l-iżvilupp sostenibbli kienu meqjusa bħala għanijiet kunfliġġenti li riedu jiġu bbilanċjati għall-benefiċċju tal-umanità. Hekk kif iċ-ċittadini qed isiru aktar konxji tal-ħsara kbira u li tista’ ma tittreġġax lura fuq il-pjaneta tagħna, hemm konvinzjoni akbar li m’għandnix għalfejn nissagrifikaw il-futur tagħna għall-progress.

Fl-istess waqt, dawk in-negozji li jaħdmu b’mod li jħares l-ambjent ta’ madwarhom jew jintroduċu proċessi sostenibbli fil-produzzjoni u t-twassil ta’ prodotti u servizzi se jkunu jistgħu jgawdu minn bidla fix-xejriet tal-konsumaturi. Din id-direzzjoni issa għandha l-appoġġ qawwi tal-European Green Deal li se jġib miegħu bidla radikali fil-politika Ewropea u għajnuna finanzjarja bla preċedent. Dan kollu se joħloq opportunitajiet kbar għan-negozji iżda fl-istess waqt se jitlob minnhom bidliet importanti fil-mod ta’ kif jaħdmu.

L-awtoritajiet Maltin qed jilqgħu dawn l-opportunitajiet u impenjaw lilhom infushom li jonfqu aktar min-nofs il-baġit allokat mill-UE permezz tal-Faċilità ta’ Rkupru u Reżiljenza għall-proġetti sostenibbli. Hekk kif Malta qed tfittex li timbotta l-kredenzjali ambjentali tagħha fil-kuntest tar-riġenerazzjoni wara l-pandemija, għall-SMEs dan kollu jfisser sfidi u opportunitajiet kbar hekk kif dawn jippjanaw il-futur tagħhom.

F’dan il-kuntest, il-Forum Nazzjonali tal-SMEs, organizzat mill-SME Help Desk fi ħdan l-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem (MEA), bil-kollaborazzjoni tal-Ministeru għall-Ekonomija u l-Industrija u numru ta’ stakeholders oħra, se jiffukaw fuq il-vjaġġ tagħhom għas-snin li ġejjin fil-kuntest tat-tkabbir sostenibbli. L-avveniment se jsir b’mod ibridu l-Erbgħa 3 ta’ Novembru 2021 fil-Lukanda Dolmen, il-Qawra.

Numru ta’ kelliema mis-settur pubbliku u privat se jaqsmu l-esperjenza u l-viżjoni tagħhom dwar dan is-suġġett, b’diskussjonijiet dwar temi bħall-aħħar żviluppi fit-teknoloġija u l-ekonomija l-ħadra, il-bżonn ta’ ippjanar aktar sostenibbli u sfidi fil-qasam tal-mobilità “ħadra”.

F’kumment fit-tnedija tal-avveniment, is-Sur Joseph Farrugia, Direttur Ġenerali tal-MEA qal li “l-isfidi ambjentali kbar li għandha quddiemha d-dinja jeħtieġu sforz kollettiv bejn l-awtoritajiet, sidien ta’ negozji u konsumaturi biex niżviluppaw mudell ekonomiku li joħloq opportunitajiet produttivi għaċ-ċittadini Maltin, iżda li fl-istess waqt isaħħaħ il-kwalità tal-ħajja tagħhom.”

Il-President tal-MEA Joanne Bondin żiedet: “L-SMEs jibqgħu l-akbar kontributur għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u se jkollhom rwol fundamentali fir-riġenerazzjoni ekonomika ta’ Malta. Permezz tal-Forum Nazzjonali tal-SMEs ta’ din is-sena, għandna l-għan li nifhmu aħjar ir-realtajiet li qed jaffrontaw in-negozji ż-żgħar fil-kuntest tat-tkabbir  sostenibbli u l-għodda li għandhom bżonn biex jittrasformaw l-isfidi li hemm quddiemhom f’opportunitajiet ta’ suċċess.

Ir-reġistrazzjonijiet – mingħajr ħlas – huma miftuħa fuq is-sit elettroniku: 

https://forms.gle/dNTAnd8TTZRu3gp96

Ekonomija

Sport