Friday, November 15, 2024

IL-VJOLENZA DOMESTIKA … ĦTIEĠA T’AZZJONI EFFETTIVA FIL-QRATI

Aqra wkoll

Ħtieġa ta’ azzjoni effettiva u inqas dewmien fil-kawżi quddiem il-Qrati

Il-vjolenza domestika hi pjaga li sfortunatament qed nisimgħu ħafna aktar spiss dwarha, aktarx li kemm ir-rapporti kif ukoll l-inċidenza tagħhom qed jiżdiedu. Dan qed ipoġġi sfidi akbar fuq l-awtoritajiet biex kemm jista’ jkun isibu soluzzjoni kif irażżnu dan il-fenomenu, li għalkemm mhux spiss qed iwassal biex nisa jiġu msawta u saħansitra anke jinqatlu. 

Għalkemm l-perċezzjoni hija li l-vjolenza domestika fuq nisa u tfajliet biss, jidher iżda li hemm ukoll irġiel li qed ikunu vvitimizzati fil-ħajja matrimonjali. Statistika li ħarġet dan l-aħħar tikkonferma li qed jikber l-għarfien dwar każi bħal dawn u aktar nies qed jersqu ‘l quddiem biex iwasslu l-ilmenti tagħhom.

Għalhekk kien għaqli t-twaqqif tat-Taqsima kontra l-vjolenza domestika fi ħdan il-Korp tal-Pulizija li quddiemha jiġu referuri r-rapporti kollha ta’ dawn it-tip ta’ każi. Iżda dan jidher li mhux biżżejjed.

Tant li l-Ministru għall-Intern Byron Camilleri ħabbar li tressaq abbozz ta’ liġi quddiem il-Kabinett li permezz tiegħu se jagħti d-dritt lill-persuni li jkunu jistgħu jiksbu informazzjoni dwar is-sieħeb jew is-sieħba tagħhom biex ikunu jafu jekk qattx kienu nstabu ħatja mill-Qrati fuq vjolenza domestika. Dan huwa pass ieħor ‘il quddiem biex persuni jkunu jafu dwar il-passat ta’ dak il-persuna li magħha se jibdew relazzjoni. 

Quddiem dan kollu, nibqgħu nsostnu li l-prevenzjoni hi aħjar mill-kura. Għalhekk l-għarfien flimkien ma’ edukazzjoni iktar bikrija huma kruċjali biex aktar nies jersqu ‘l quddiem u ma jiddejqux jitkellmu dwar dak li jkunu għaddejjin minnu ma’ dawn l-istituzzjonijiet, li jistgħu jkunu ta’ għajnuna kbira għall-vittmi. 

Ir-rwol tal-edukazzjoni m’għandux ikun biss dak akkademiku imma wkoll li tiżviluppa l-personalità tal-istudent aktar u aktar ir-rispett li persuna jkollha lejn ħaddieħor. 

Minbarra s-servizz lill-vittmi, qed jiġu offruti wkoll programmi speċifiċi għall-aggressuri. Nittamaw li dawn il-programmi jwasslu biex iktar persuni, nisa u rġiel, jagħrfu li l-vjolenza domestika hija att mistmerr fil-forom kollha tagħha għaliex ħadd mhuwa superjuri għal ħadd u ħadd m’għandu dritt fuq il-ħajja ta’ ħaddieħor.

L-aħħar każ ta’ qtil wara sensiela ta’ vjolenza domestika jixhed kemm hemm bżonn liġijiet aktar stretti u Qrati li jħaffu l-proċessi kemm jista’ jkun biex b’hekk jiġu evitati aktar reati ta’ din ix-xorta. 

Ekonomija

Sport