Saturday, November 23, 2024

Il-Vjolenza Domestika – xi ħsibijiet dwar x’jista’ jwassal għaliha u dwar kif nistgħu nikkumbattuha

Aqra wkoll

Miktub minn ANDREANA FRIGGIERI, Kummissarju Kontra l-Vjolenza Domestika u Vjolenza abbażi tal-Ġeneru

Ritratt: Fr Martin Micallef

Matul is-snin li għamilt naħdem fl-iskejjel ġieli kont nisma’ tfajliet t’erbatax, ħmistax, sittax-il-sena jitkellmu dwar il-ġuvni li jkunu qed joħorġu miegħu. Kienu jkunu qaqoċċa, jirrakkuntaw ‘l xulxin dwar x’kien ġara u x’ma ġarax, min kien jiffansja lil min, u sebaħ u dalam. Kont issibhom jidħku u jogħxew f’xi rokna fil-brejk, xi drabi jargumentaw u  jiġġieldu u daqqiet jibku wkoll.  ‘Isma’ din Miss!’, kienu jgħiduli ġieli waqt li nkun għaddejja. Kont inħossni onorata bil-fiduċja, iżda spiss kont nikkonfondi x’naqbad  ngħid wara li nkun smajt stejjer li skonti kienu jkunu tal-biża’ .

Mhux l-ewwel darba li xi waħda minnhom kienet taħfirlu lin-namrat meta kultant kien iċapċpilha daqqa u jweġġagħha, anke quddiem sħabu stess. ‘Dak għax iħobbni, jridni għalih biss u jkun irid jagħmel show quddiem sħabu bija, ħa joqgħodu jinkeddu’. Kienet tħallih jersaq lejha wara, bħallikieku ddispjaċut, u hu kien jgħidilhom ‘l sħabu ‘ara kemm tridni –  taħfirli, tiġi tbusni wara’.  Mur ifhem! 

Darba kien hemm studenta qaltli li iġri tiżżewweġ u toħroġ tqila, daqs kemm għandha għarus sabiħ, l-għira ta’ kulħadd, iwassalha kullimkien, iċemplilha tlett darbiet kuljum, u l-ħin kollu jibgħatilha l-messaġġi, anke billejl.   Meta kont nipprova nitkellem magħha dwar x’tifhem biha l-imħabba mbagħad, waħda minn sħabha ġiet tgħidli biex noqgħod attenta għax jekk isir jaf li xi ħadd kien qed jitkellem mat-tfajla tiegħu kontrih kien jagħmel xi waħda minn tiegħu żgur.  

Ħafna tfajliet jassoċċjaw l-għira u anke abbuż u vjolenza mal-imħabba – ‘għax iħobbni’. Spiss ma jkunux iridu jitilquh għax jemmnu li hu għandu bżonnhom, ‘għax għandu l-problemi d-dar miskin, u lili biss jafda’. U ma titilqux meta jgħeddidha li jitlaqha wara xi ħaġa li tkun għamlet li m’għoġbitux, anzi, tiġi mbikkma l-iskola għax tħobbu wisq u ma tistax tgħix mingħajru! Tfajliet tal-iskola dawn, ħafna minnhom ħalib ommhom fi snienhom. Iżda din hija xi ħaġa normali f’diversi komunitajiet, u dawn it-tfajliet u nisa mhumiex ftit. Kwestjoni ta’ valuri. Iżda minn fejn ġejjin dawn? U kif nistgħu neqirduhom biex ebda tfajla u mara ma tibqa’ tittollera  l-abbuż u tassoċjah mal-imħabba? Mhux faċli. Din hi l-‘vjolenza domestika’, u l-għeruq tagħha jinfdu fil-fond.

Madwar id-dinja, meta tiġi użata l-espressjoni  ‘vjolenza domestika’ nifhmu  biha vjolenza min-naħa ta’ sieħeb jew sieħba f’relazzjoni intima. Din iżda ma tfissirx hekk biss.

Madwar id-dinja, meta tiġi użata l-espressjoni  ‘vjolenza domestika’ nifhmu  biha vjolenza minn-naħa ta’ sieħeb jew sieħba f’relazzjoni intima. Din iżda ma tfissirx hekk biss.  L-Għaqda dinjija tas- Saħħa (WHO)  tgħid li  l-‘Vjolenza Domestika’ tista’  wkoll  tinkludi  l-abbuż ta’ minuri,  persuni  LGBTQIA+  u anzjani, jew abbuż minn u lejn kwalunkwe membru tal-familja. Il-kelma ‘battering’ (swat) tirreferi għal vjolenza severa li teskala u li tkun karatterizzata minn forom varji ta’ abbuż, twerwir u tgħeddid fi sfond ta’ aġir possessiv u manipulattiv minn-naħa tal-agressur.

Il-vjolenza f’relazzjoni intima (Intimate Partner Violence) hija waħda mill-iktar forom komuni ta’ vjolenza eżerċitata fuq in-nisa u tinkludi abbuż fiżiku, sesswali u emozzjonali, kif ukoll imġieba manipulattiva mill-persuna abbużiva (WHO), bħal meta jiċċaħħad l-aċċess għall-flus. Din tista’  tiġri kullimkien, f’kull klassi soċjali, fost nies ta’ kwalunkwe reliġjon u kultura, iżda r-riċerka turi li din il-pjaga tolqot l-iktar lin-nisa. 

Skont l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, għalkemm in-nisa jistgħu ikunu vjolenti fir-relazzjonijiet tagħhom mal-irġiel, dan spiss ikun riżultat tan-neċessita’ li jiddefendu lilhom infushom.

Skont l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, għalkemm in-nisa jistgħu ikunu vjolenti fir-relazzjonijiet tagħhom mal-irġiel, dan spiss ikun riżultat tan-neċessita’ li jiddefendu lilhom infushom. spiss l-agressur ikun raġel u l-vittma tkun sieħba intima jew ex-sieħba intima tiegħu.  Skont ir-riċerka,  l-irġiel iktar jistgħu jesperjenzaw atti vjolenti minn persuni li ma jafuhomx jew li jafuhom ftit milli minn xi ħadd viċin tagħhom (WHO). Raġel, bħal kull membru ieħor tal-familja jista jiġi abbużat ukoll psikoloġikament jew emozzjonalment minn xi ħadd fil-familja, bħal pereżempju meta  jiġi mċaħħad milli jara ‘l uliedu.

Ħafna teoriji jispjegaw il-vjolenza domestika billi jirreferu għal attributi individwali tal-agressur, bħal pereżempju l-vizzji, l-alkoħoliżmu, stress u mard mentali.

Ħafna teoriji jispjegaw il-vjolenza domestika billi jirreferu għal attributi individwali tal-agressur, bħal pereżempju l-vizzji, l-alkoħoliżmu, stress u mard mentali. Għalkemm  dawn il-fatturi jistgħu iwasslu għal imġieba agressiva mhumiex biżżejjed biex jispjegaw il-kawżi tal-vjolenza domestika  u lanqas huma għalkollox konsistenti. Ikun iktar utli jekk inħarsu lejn il-vjolenza domestika minn lenti strutturali (Tittlová & Papáček, 2018).  Din il-perspettiva tippermettilna nifhmu aħjar l-importanza tat-trobbija  li tinfluwenza l-mod kif  aħna lkoll naħsbu u nħarsu lejn id-dinja, li hija ddominata minn sterjotipi abbażi tal-ġeneru (gender stereotypes). Skont dan ix-xenarju, il-vjolenza domestika hija rifless tal-iżbilanċ bejn l-irġiel u n-nisa li writna matul is-sekli ta’ dominanza ideoloġika patrijarkali. 

Dan l-iżbilanċ li l-moviment femminista madwar id-dinja ilu snin jikkumbatti għal dinja iktar ġusta fejn in-nisa u l-irġiel igawdu drittijiet indaqs,  jidher l-iktar fl-aspett ekonomiku, fil-ksur tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem u fl-isfera intima. In-nuqqas ta’ awtonomija tan-nisa f’kull aspett tal-ħajja jippermetti żbilanċ ta’ poter li jkompli jipperpetwa modi ta’ għixien antikwati u inġusti. 

Fl-ideoloġija patrijarkali ir-raġel huwa l-protettur – il-pater familias –  dak li jġib il-flus lejn id-dar, dak li jikkmanda u jiddeċiedi għall-membri l-oħra tal-familja. Skont dan il-mudell, raġel ma jistax juri dgħufija jew jammetti żball. Is-subien jiġu mrobbija hekk minn kif jitwieldu, mentri l-bniet jiġu mrawma biex jobdu, joqgħodu pass lura,  u nirreferu għalihom bħala ‘s-sess oppost’.  Din l-ideoloġija tagħmel ħafna ħsara kemm lill-irġiel kif ukoll lin-nisa, peress li it-tnejn li huma għandhom l-emozzjonijiet, mhux in-nisa biss. Il-mara ma tiġix rispettata kif ħaqqha minħabba li ma tgawdix l-istess drittijet u libertajiet daqs ir-raġel u mill-banda l-oħra, trobbija li tisforza tifel jaħbi dak li jħoss u li tirredikola jew issejjaħ turija ta’ emozzjoni dgħufija  tikkawża problemi psikoloġiċi minħabba li tmur kontra n-natura tal-bniedem  (Tittlová & Papáček, 2018). Meta l-istil ta’ trobbija patrijarkali jkun  mifrux fis-soċetajiet, ifeġġ ir-riskju li tiġri vjolenza domestika fil-forom diversi tagħha. Minn studji li kienu saru fil-Ġermanja (Bentovin,1998)  kien irriżulta li n-nuqqas ta’ suċċess minn-naħa tar-raġel – xi ħaġa li tmur kontra l-idea patrijarkali tar-raġel kapaċi – kien wieħed mill-fatturi prinċipali li jikkawżaw   imġieba aggressiva fil-familji (sew kontra t-tfal, kif ukoll kontra n-nisa). F’dawn l-istudji, l-imġieba agressiva u vjolenti kienet mod ta’ kif irġiel u ġuvintur jasserixxu lilhom infushom meta jħossuhom vulnerabbli jew diżappuntati bihom infushom. Naturalment, mhux kull raġel jirreaġixxi b’mod vjolenti. Ir-riċerka turi li din aktarx  tolqot irġiel li jkunu trabbew f’ambjent tradizzjonali fejn l-irwoli fil-familja huma fissi u separati minn xulxin skont il-mudell patrijalkali, fejn l-irġiel ġew imrawma jħarsu lejhom infushom bħala l-kap tal-familja u n-nisa bħala ommijiet u nisa tad-dar. F’sitwazzjoni bħal din, aktarx li ħadd mill-membri tal-familja mhu mistenni jisfida r-regoli stabbiliti u għalhekk ma jkunx hemm post għal diskussjoni jew inqas u inqas, għall-flessibilita’.  Jekk tifel imrobbi f’ambjent simili jsib ruħu f’relazzjoni li titlob minnu li jirrikonoxxi li l-parti l-oħra kapaċi daqsu jew anke iktar minnu f’affarijiet li tradizzjonalment kellu jiddomina fihom hu,  se jsibha diffiċli biex jadatta ruħu u awtomatikament se jipprova jirbaħ il-pożizzjoni tiegħu lura, anke b’metodi agressivi u vjolenti (Rehwald, 2019; Egger, 1999). 

Huwa possibbli li l-agressuri għaddew huma stess minn vjolenza domestika fit-tfulija u għarfu l-vjolenza domestika bħala mod kif jinżamm il-kontroll fuq il-familja. Riċerka turi li hemm konnessjoni kbira bejn imġieba vjolenti ta’ irġiel fil-familji tagħhom u trobbija  f’ambjent iddominat minn struttura patrijarkali estrema ( Moffitt & Klaus-Grawe 2012 Think Tank).  Dan għaliex għal dawn l-irġiel il-kontroll assolut huwa xi ħaġa indisputibbli u  naturali,  bħal ma hi li jużaw il-vjolenza fuq uliedhom u marthom  sabiex tinżamm l-ordni li jridu huma fid-dar. Il-vjolenza domestika hawnhekk tkun ir-reazzjoni ‘dovuta’ għad-diżubbidjenza tal-membri tal-familja skont ir-raġel. 

Żieda fl-inċidenza tal-vjolenza domestika tista’ tiġri matul bidliet drastiċi bħal ma ġara ftit ilu meta tfaċċat il-Coronavirus fostna u bdejna nipprattikaw social distancing (Lang, 2020)

Żieda fl-inċidenza tal-vjolenza domestika tista’ tiġri matul bidliet drastiċi bħal ma ġara ftit ilu meta tfaċċat il-Coronavirus fostna u bdejna nipprattikaw social distancing (Lang, 2020). Din hija sitwazzjoni li teżiġi li ninbidlu u nadattaw ruħna għaliha anke jekk m’aħniex ippreparati biex nifaċċjaw konsegwenzi negattivi bħat-telfa ta’ impjieg jew tnaqqis fil-paga, anke jekk temporanja.  Tista’ wkoll tkun xi fażi oħra fil-ħajja li tikkawżawlna stress iktar minn qatt qabel, bħat-tqala u t-twelid ta’ tarbija ġdida (https://www.nhs.uk/conditions/pregnancy-and-baby/domestic-abuse-pregnant/)  

Tajjeb naħsbu dwar x’jista’ jikkawża l-vjolenza domestika. Dan jgħinna nifhmu aħjar x’hemm bżonn ikompli jsir bħala prevenzjoni. Waħda mill-affariiet li tista’ tolqot mill-qrib il-bidla lejn soċjeta’  iktar ġusta għal kulħadd hija investiment f’edukazzjoni radikali u kritika li tinkoraġixxi d-dibattitu u l-ħsieb ħieles, iktar milli t-trasferiment ta’ kontenut mingħajr djalogu u riflessjoni u tagħlim bl-amment immirat lejn l-eżamijiet.  Hemm bżonn ninvestu iktar f’edukazzjoni li tibda minn fejn huma t-tfal u  ż-żgħażagħ stess, li tirrispetta dak li jafu huma, edukazzjoni li tati l-poter lill-persuna, sabiex hi stess tkun kapaċi taħseb għaliha innifisha, temmen fil-bidla, titkellem u tipprotesta kontra l-inġustizzja,  tieħu ħsieb tagħha nnifisha, tal-oħrajn u tal-ambjent li tgħix fih (Freire, 2001, 2000, 1998). Edukazzjoni radikali – mhux biex inġibu kwalifiki (biss), iżda biex ninkoraġixxu l-ħsieb u l-partiċipazzjoni  li tant għandna bżonn għat-tisħiħ tad-demokrazija tagħna – taħdem ukoll mal-familji stess u fost in-nies fil-komunitajiet varji tagħhom, sabiex dak li jsir l-iskola ma’ uliedna  jiġi rifless fid-dar ukol. B’hekk ukoll, is-soċjeta’ tagħna jkollha tama ikbar li tiġġedded ‘l hinn minn ideoloġiji patrijarkali antikwati li joħonqu l-liberta’ u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem.

Sport