Tuesday, February 10, 2026

IL-VJOLENZA FIT-TOROQ

Aqra wkoll

Is-suċċess li kiseb u għadu jikseb il-Korp tal-Pulizija fis-soluzzjoni tar-reati, kemm dawk żgħar kif ukoll oħrajn aktar serji, ma hemm l-ebda dubju dwaru. Madanakollu, minkejja kollox, xorta l-forzi tas-sigurtà u l-ħarsien tal-liġi jkollhom jaffaċċjaw sfidi ġodda. Bħal donnu li s-suċċess tal-Korp mhuwiex qed iservi ta’ deterrent biżżejjed biex jiġu evitati ċertu inċidenti.

Qed ngħidu dan b’referenza għal fenomenu ġdid li nibet f’pajjiżna fejn gruppi ta’ żgħażagħ, f’ċertu żoni tal-pajjiż, qed jaġixxu b’mod provokanti li jwassal għall-vjolenza. Dan mhux aċċettabbli fis-soċjetà tagħna tal-lum, għaliex aġir bħal dan inissel biża’ u tensjoni mhux biss fost ir-residenti tal-lokal imma wkoll għal min jiffrekwenta dawn l-inħawi u anke għan-negozji.

Kampanji ta’ pubbliċità biex affarijiet bħal dawn jiġu evitati waħedhom mhumiex biżżejjed. Imma jeħtieġu wkoll passi drastiċi, inklużi sentenzi mill-Qrati, biex tassew id-deterrent ikun qed jintlaħaq fil-massimu tiegħu. Jeħtieġ għalhekk li s-soċjetà Maltija jibqa’ jkollha s-serħan il-moħħ li hemm min jiddefendiha f’kull ċirkostanza, b’mod partikolari minn vjolenza aktar u aktar jekk din ma tkunx ipprovokata.

Minn dawn il-kolonni mhux l-ewwel darba li faħħarna x-xogħol u l-isforzi tal-Forzi tal-Ordni u għarafna d-diffikultajiet u r-riskji li dawn jaffaċċjaw waqt il-qadi ta’ dmirijiethom biex jassiguraw li ċ-ċittadini jibqgħu jiġu mħarsa u tinżamm il-buon ordni. Għalhekk nemmnu bi sħiħ li kien floku u kienet deċiżjoni għaqlija li l-Gvern ikompli jżid l-investiment fil-Korpi Dixxiplinati.

Inħossuna fiduċjużi li din il-problema ta’ delinkwenza fit-toroq tagħna minn gruppi ta’ żgħażagħ se tkun mitigata kif rajna f’sitwazzjonijiet oħra fejn il-pulizija kienet pronta u ħadet azzjoni f’waqtha u immedjata. Dan l-iskop jintlaħaq jekk il-Korp tal-Pulizija jibqa’ jkun viġilanti, pro attiv u dan biex jipprevjeni milli jitwettqu ċertu reati. Nittamaw ukoll li ċ-ċentralizzazzjoni ta’ ċerti servizzi speċjalizzati se tkompli tgħin – kif diġà għenet – f’dan ir-rigward.

Qed ngħidu dan kollu għaliex il-vjolenza fit-toroq – ġejja minn fejn ġejja – m’hawnx lokha fil-pajjiż u għandhom jittieħdu l-passi kollha biex fejn tista’ seħħ, tiġi mrażżna minnufih.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport