Fl-aħħar jiem rajna avvenimenti fid-dinja li ħassbu. Rajna r-rabja u l-vjolenza mill-poplu fin-Nepal. Rajna ir-rabja tal-Franċiżi li ħalfu li jkomplu bil-protesti. Bħal sajjetta fil-bnazzi Iżrael wasslilna messaġġ. Messaġġ inkwetanti li l-impunità tiegħu lil hinn minn Gaża u dan bl-attakk li wettaq fuq il-Qatar.
Fl-Italja rajna sezzjonijiet kbar ta’ ħaddiema jipprotestaw kontra Iżrael u iddikjaraw li lesti jwaqqfu l-esportazzjoni lejn Iżrael fil-portijiet jekk iwaqqaf dgħajjes li sejrin bl-għajnuna lejn Gaża. F’Gaża tkompli tirrenja l-kriżi tal-ġuħ. Donnu dan ma kienx biżżejjed, u seħħ il-każ fejn drones militari daħlu fl-ispazju tal-ajru tal-Polonja, li ma ninsewx li l-Polonja hi pajjiż imsieħeb fin-NATO.
Ma’ dan kollu imbagħad kellna l-assassinju ta’ Charlie Kirk. Politiku magħruf għall-pożizzjonijiet tal-lemin estrem li kien jieħu fuq l-Iżlam, fuq l-immigrazzjoni, fuq persuni etniċi u ħafna oħrajn.
Niddikjaraw bla tlaqlieq li f’soċjetà demokratika m’għandu jkun hemm ebda ġustifikazzjoni għal assassinju politiku jew l-użu ta’ vjolenza biex telimina avversarju. Il-vjolenza politika hi traġedja. Din qatt m’għandha tiġi tollerata. Din hi moralment ħażina. Il-qtil ta’ Charlie Kirk, irrispettivament minn dawk id-dikjarazzjonijiet kontroversjali li kien għamel – li ovvjament aħna ma naqblux magħhom assolutament, hu indikatur traġiku.
Dak li rajna iseħħ fl-Università ta’ Utah li xxokkja lil kull min ra dak il-filmat, jurik in-natura indiskriminata tal-vjolenza politika. Kankru, li la jibda jinfirex isib għeruqu f’ħaġa waħda – aktar vittmi. Kankru li ma jagħmel ebda għażliet. Vjolenza politika li la darba tixref barra tiġi fuq kulħadd.
M’hemmx kuluri. M’hemmx nazzjonalità. M’hemmx ideoloġiji jew prinċipji. Ma tħarisx lejn min hemm warajk jew min huma l-alleati tiegħek. Il-vjolenza politika ma jinteressahiex mid-dettal. Jinteressaha biss li telimina lil dak li jkun. Li ssodd ħalq xi ħadd.
Jekk inħarsu lejn l-Artikolu 19 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, li kienet ġiet adottata fis-sena 1948, naraw li dan jiddikjara li ‘kulħadd għandu d-dritt għal-libertà tal-opinjoni u tal-espressjoni; dan id-dritt jinkludi l-libertà li wieħed ikollu opinjonijiet mingħajr indħil u li jfittex, jirċievi u jgħaddi informazzjoni u ideat permezz ta’ kwalunkwe mezz ta’ komunikazzjoni u irrispettivament mill-fruntieri.”
Proprju 40 sena qabel imbagħad kellna lil kittieba Ingliża Evelyn Hall, li fil-bijogrfaija tagħha dwar Voltaire, hi ġabret it-twemmin ta’ Voltaire f’sentenza waħda li baqgħet magħrufa. Din hi dik li “ma naqbilx ma’ dak li qed tgħid, imma se niddefendi sal-mewt id-dritt tiegħek li tgħidu”.
U jekk hi traġika il-mewt ta’ Kirk, traġika ukoll kienet ir-reazzjoni partiġġjana, vjolenti u kerha ħafna li kien hemm wara. Kellna membru tal-Kungress Repubblikana li fil-preżenza tal-ġurnalisti ippuntat is-swaba u allegat li ‘d-Demokratiċi huma s-sidien ta’ dak li ġara. Dan sar mingħajr ma offriet l-ebda evidenza. Kellna imbagħad lil Jesse Watters li fittxet ritaljazzjoni u ddikjarat li “se nivvendikaw il-mewt ta’ Charlie”.
Prattikament dan ifisser aktar vjolenza. Fuq in-naħa l-oħra imbagħad kellna dawk li ħarġu jiġru jparlaw u jiddikjaraw. Dikjarazzojni bħal “dak li tiżra taħsad’. Kellna imbagħad lill-President tal-Istati Uniti, Donald Trump li malajr ipponta s-swaba lejn ix-xellug radikali, u li ovvjament għamel dan mingħajr ma ppreżenta ebda dokumenazzjoni.
Ma’ dawn imbagħad kellna oħrajn bħal Barack Obama u nies prominenti oħra li esprimew simpatija. Irrikonoxxew id-differenzi politika li kellhom ma’ Kirk. Saħqu li dawn id-differenzi ma kienux importanti f’dak il-mument.
Ejja ngħiduha kif inhi. Il-każ seħħ f’Università fl-Istati Uniti, il-kontinent magħruf għad-demokrazija. Imma dak li seħħ iqajjem mistoqsijiet u tħassib kbir. Id-demokrazija hi l-mod kif ikollna soċjetajiet u kulturi li jgħixu flimkien – ma joqtlux lil xulxin. Meta wieħed jieqaf jemmen f’dan, kollox jibda nieżel l-isfel. Kollox jibda jaqa’.
Dak li ġara fl-Istati Uniti hemm riskju li jinfirex lejn żoni oħra madwar id-dinja. Hu fatt u dan jinħass fl-Istati Uniti li llum hemm aktar tolleranza għall-vjolenza politika. Li qed tiżdied il-vjolenza politika ikkonfermah l-istess Trump, li ovvjament ma naqasx li jwaħħal għal dan fil-liberali u qal li r-retorika tagħhom kontra l-konservattivi kienet “direttament responsabbli għat-terroriżmu li qed naraw”.
Lil hinn minn dan, is-sinjali ta’ allarm f’Istati Uniti ilhom jidhru. Inutli Trump u ta’ madwar jippuntaw is-swaba. Is-soċjetà fl-Istati Uniti ilha issa għal dawn l-aħħar snin tiġi radikalizzata. Illum aktar u aktar nies jemmnu li kunflitt ċivili fl-Istati Uniti minħabba d-direzzjoni li ħadet, hu fil-qrib. Dan ilu jidher mindu Donald Trump spiċċa t-terminu tiegħu ta’ l-ewwel Presidenza, fejn imbagħad rajna l-attakki li saru fuq il-Capitol minn sostenituri ta’ Trump, attakk li ma kien xejn għajr thedidda fuq id-demokrazija u kontra għażla leġittima li għamel il-poplu Amerikan.
Id-demonizzazzjoni ta’ dawk li ma taqbilx magħhom hi xi ħaġa perikoluża. Ma rridux ninsew li Trump innifsu nnormalizza attakki ħorox fuq l-avversarji tiegħu. It-tolleranza ta’ azzjoni vjolenti – bħal fil-każ tal-maħfriet ġenerali ta’ Donald Trump għall-irvellijiet u l-attakki fuq il-Capitol fis-6 ta’ Jannar – tibgħat messaġġ ukoll. Hu ċar ħafna li aktar ma jkun hemm appoġġ pubbliku għall-vjolenza politika, iktar din issir komuni. Aktar tibda titwettaq.
Dak li seħħ fl-aħħar sigħat fl-Istati Uniti hu att intenzjonat biex jiskoraġġixxi nies oħra minn attività politika jew ċivika oħra fil-livelli kollha. Dan jista’ jwassal biex aktar vuċijiet estremi jistgħu jippersistu u jipprevalu. U minn pajjiż tista’ faċilment timxi għal ieħor, u dan illum hu aktar faċli.
Bla dubju ta’ xejn li dan hu mument perikoluż. Ir-rispons għal att infami u ta’ mibegħda bħal dan, fejn bniedem titneħħielu ħajtu fuq il-libertà tal-espressjoni għandu jkun dak ta’ għaqda. Ir-rispons għandu jkun li tiġi enfasizzata in-non vjolenza. Nenfasizzaw it-tolleranza. Jekk se jibqa’ jkollna politiċi li jippromwovu d-diviżjoni, li jrewwħu it-theddid, dan se jkun qiegħed iwassal biex jiżdied it-theddid għall-politiċi u attivisti ta’ kull xorta. Il-mibegħda u kummenti li jinċitaw mibegħda m’hemmx posthom. Iż-żieda fil-vjolenza politika mhi xejn għajr theddid fuq id-demokrazija u fuq il-libertà tal-kelma u l-espressjoni.