Gruppi armati fil-Haiti qegħdin ikunu l-kawża li jkun hemm vjolenza sesswali fuq it-tfal fejn mill-2023 sal-lum kien hemm żieda ta’ 1,000%.
Dan ħareġ mill-Organizzazzjoni Unicef li taħdem fi ħdan il-Ġnus Magħquda.
Il-Unicef irrapportat li skont estimi li għamlet hi 85% tal-belt ta’ Port-au-Prince hija taħt il-kontroll tal-gruppi kriminali. Aktar minn miljun tifel u tifla bħalissa qegħdin jgħixu f’din il-belt u ta’ kuljum qegħdin jirċievu theddid minn dawn il-gruppi kriminali.
Rapporti fil-midja jgħidu li l-aħħar każ kien ta’ tfajla ta’ 16-il sena li ħarġet mid-dar biex tmur tixtri. Waqt li kienet miexja hija ġiet maħtufa mill-grupp ta’ kriminali fejn minbarra s-swat li qalgħet ġiet abbużata sesswalment kemm-il darba.
Hija damet miżmuma minn dan il-grupp għal madwar xahar. Hija tħalliet titlaq mill-post fejn kienet miżmuma wara li l-istess grupp ta’ kriminali ndunaw li l-familja tagħha ma kellhiex flus biex tħallas għall-ħelsien.
Issa din it-tfajla qiegħda tingħata kenn f’shelter imexxi mill-Ġnus Magħquda. Hija tinsab tgħix flimkien ma’ tfajliet oħrajn li għaddew mill-istess esperjenza. Huma qegħdin jingħataw il-kura li hemm bżonn qabel ma jkunu jistgħu jerġgħu jingħaqdu mal-familji tagħhom.
Il-Unicef qalet li tinsab imħassba ħafna dwar din is-sitwazzjoni u hemm bżonn li l-Gvern tal-Haiti jieħu azzjoni b’mod immedjat biex ma jkunx hemm aktar tfal li jispiċċaw vittmi ta’ dawn il-kriminali.