Minn Cristian Muscat
Kif għażilt il-volleyball fost tant sport ieħor?
Minn dejjem kont sportiv. Ta’ għaxar snin kont nittrenja l-futbol, handball, basketball u atletika u ġietni l-opportunitá li nibda nipprattika l-volleyball. Għoġobni għax huwa ‘team sport’ u tikber f’tim li jsir t-tieni familja tiegħek. Barra minn hekk, huwa sport mgħaġġel fejn trid tkun reattiv ħafna li jżommok dejjem iffukat waqt il-logħob.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek bħala kowċ tat-tim ta’ taħt id-19-il sena ta’ Swieqi Phoenix Volleyball Club.
Hija esperjenza sabiħa ħafna. Meta tikkunsidra li ħafna mill-plejers ta’ dan it-tim ikunu ilhom bosta snin jittrenjaw magħna, ikun hemm minnhom li bdew magħna mill-etá ta’ tmien snin, hija emozzjoni sabiħa li tarhom jikbru u jirnexxu kemm b’mod sportiv kif ukoll b’mod dixxipplinarju, li bħala klabb nagħtuha importanza kbira.
X’taħseb li kien is-sigriet tas-suċċess tar-rebħ tal-kampjonat għad-disa’ staġun konsekuttiv fil-jiem li għaddew?
Ħaġa importanti hi li ħafna mill-plejers ikunu ħarġu minn nursery tagħna u nkunu fformajnihom bħala plejers fil-pożizzjoni adattata għalihom skont il-kapaċitajiet u r-rieda tagħhom.
L-impenn tal-plejers huwa importanti ħafna ukoll għax meta l-plejers jattendu għat-taħriġ b’mod regolari, tibda tara titjijb fil-livell bejn logħba u oħra. Ovvjament il-plejers jafu ukoll li t-tim jiġi l-ewwel u b’hekk dejjem jagħtu ħilithom biex jgħinuna nilħqu r-rebħ tal-istaġun.
Kemm taħdem mill-qrib mal-kowċ tat-tim tal-kbar, Leonard Zammit Munro?
Matul dawn l-aħħar tminn snin, ħdimt tajjeb ħafna ma’ kowċ Leonard. Flimkien immexxu t-taħriġ ta’ ħafna timijiet, minn l-iżgħar eta’, dawk ta’ taħt il-15-il sena, sa l-ikbar plejers li qegħdin fis-Superleague. Ngħinu ħafna lil xulxin u nitgħallem ħafna minnu minħabba l-esperjenza kbira li għandu, kemm bħala plejer kif ukoll fit-taqsima tal-kowċing.
Kif tqis il-livell tal-volleyball f’Malta?
F’dawn l-aħħar snin, qed naraw il-livell tal-volleyball f’Malta dejjem jimxi ‘l quddiem. Apparti li l-lig f’Malta qed isir iktar kompetittiv, bħala klabb ikollna ċ-ċans nieħdu sehem f’turnaments barra minn Malta, kontra timijiet Serbi, Pollakki u Ungeriżi fost oħrajn, li huma meqjusa bħala timijiet importanti Ewropej. F’dawn it-turnaments kemm-il darba ksibna riżultati pożittivi fejn niġu mal-ewwel għaxra, kif ukoll kellna sena fejn irbaħnieh.
Kif jirnexxielek tlaħħaq max-xogħol tiegħek u mal-volleyball?
Importanti li żżomm rutina biex tgħinek tlaħħaq ma’ kollox. Apparti x-xogħol u l-volleyball, qed nistudja ukoll, u b’hekk mhux dejjem ikun faċli li nlaħħaq. Peró, bis-sapport ta’ familti, li jagħmlu anke huma sagrifiċċji kbar, nipprova nżomm mar-rutina u nagħmel dak li nista’ biex inlaħħaq ma’ kollox.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-volleyball?
Nixtieq li nibqa’ nikkowċja għal żmien twil, forsi naraw iżjed timijiet, kemm tan-nisa kif ukoll tal-irġiel f’Malta, u nkun kapaċi ngħin kemm jista’ jkun plejers. Nixtieq ukoll li ibni jkun kapaċi jgawdi dan l-isport sakemm ikun jinteressah u forsi jkolli ċ-ċans li nikkowċjah jien stess.
Għaddi messaġġ finali lil dawk it-tfal u / jew żgħażagħ li jixtiequ jagħmlu karriera ta’ suċċess fil-volleyball.
Il-volleyball hu sport sabiħ li jżommok attiv. Importanti li tattendi għat-taħriġ b’mod regolari u tagħmel l-impenn tiegħek biex titjieb. Importanti ukoll li tirrispetta kemm il-kowċ kif ukoll il-plejers tat-tim tiegħek għax kulħadd jista’ jgħinek timxi ‘l quddiem!