Villa Frere f’Tal-Pietà hija sit ta’ valur storiku u kulturali kbir għal pajjiżna. Illum madwar 15-il voluntier jagħtu s-sehem tagħhom fejn permezz tal-impenn tagħhom, il-ġonna ġew imnaddfa, imtejba u restawrati, u llum jinfetħu darba fix-xahar biex il-pubbliku jkun jista’ japprezza dan il-wirt storiku.
Fl-2019 Heritage Malta għaddiet l-amministrazzjoni tal-ġonna f’idejn l-għaqda Friends of Villa Frere. Sena wara, Villa Frere u l-ġonna tagħha ġew skedati Grad 1 mill-Awtorità tal-Ippjanar. F’dawn l-aħħar snin sar ukoll restawr fuq Villa Hay, binja fil-ġonna li kienet tintuża bħala post ta’ rtir għal mart Hookham Frere.
Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici żar Villa Frere u qal li, “Il-ħidma tal-voluntiera f’Villa Frere hija xhieda ċara ta’ kemm l-impenn ċiviku u l-volontarjat jistgħu jkunu strument importanti fil-ħarsien tal-wirt nazzjonali. Din il-ħidma tirrifletti wkoll il-prinċipji tal-Viżjoni Malta 2050, li tħares lejn futur fejn il-wirt kulturali, il-parteċipazzjoni tal-komunità u l-iżvilupp sostenibbli jimxu id f’id għall-ġid tal-ġenerazzjonijiet tal-lum u ta’ għada. Dan speċifikament bil-miżura numru 81 tat-tielet pilastru li jiffoka fuq ir-Reżijenza ta’ Pajjiżna.”
Ix-xogħol fuq dan is-sit storiku għadu għaddej u issa mistenni jidħol f’fażi ġdida hekk kif il-Villa terġa’ tingħaqad mal-ġonna tagħha. Filwaqt li qed jitfasslu pjanijiet għall-użu ġejjieni tal-proprjetà, dawn qed jitqiesu wkoll f’kuntest reġjonali usa’, sabiex tinħoloq esperjenza kulturali u storika kumplimentari li tinkludi wkoll lil Villa Guardamangia.
Din il-Villa tieħu isimha minn John Hookham Frere, studjuż u poeta Ingliż li fl-1820 iddeċieda li jirtira Malta flimkien ma’ martu u oħtu. Huwa kera biċċa art kbira max-xatt tal-Pietà li kienet tinkludi xi binjiet, li aktar ’il quddiem inbidlu f’dik li llum nafu bħala Villa Frere u l-ġonna magħrufa tagħha.
Kien proprju Hookham Frere li ħoloq dawn il-ġonna u sebbaħhom b’diversi karatteristiċi li kienu jiġbdu l-għajn ta’ kull min iżurhom. Huwa kellu wkoll relazzjoni mill-qrib mal-istudjuż Malti Mikiel Anton Vassalli, li għenu jirritorna Malta mill-eżilju. Fil-ġonna ta’ din il-villa kienu jqattgħu sigħat twal jiddiskutu dwar il-lingwa u l-kultura Maltija, tant li spiss jingħad li Villa Frere kienet il-post fejn x’aktarx twieled l-ilsien Malti miktub.
Wara l-mewt ta’ Hookham Frere fl-1846, il-villa għaddiet minn idejn diversi sidien. Fl-1952 ġiet mibjugħa lil familja privata u baqgħet tintuża bħala negozju sa żmien relattivament riċenti.
Preżenti għal din iż-żjara kien hemm rappreżentant minn Heritage Malta, Kenneth Gambin u s-Sindku tal-Pietà, Stefano Scavo.

