Sunday, December 22, 2024

“Il-volontarjat hi xi ħaġa li nagħmel mill-qalb għax fih insib sens ta’ sodisfazzjon kbir”

Betty Berry – Rebbieħa Premju Nazzjonali Anzjanità Attiva 2022

Aqra wkoll

Ftit tal-jiem ilu l-anzjana Ingliża li tgħix f’Għawdex Betty Berry ingħatat il-premju nazzjonali tal-Anzjanità Attiva 2022. Kien il-President ta’ Malta Dr George Vella li fiċ-ċerimonja li saret fl-1 t’Ottubru li għadda, ippreżenta dan l-unur lil din l-anzjana ta’ qalb tajba li ilha tgħix f’Għawdex sa mis-sena 1976.

Sadanittant żewġ organizzazzjonijiet innominaw lil Berry u dawn kien il-Victoria Scout Group u Nature Trust. Fil-fatt hi stess hi voluntiera attiva fiż-żewġ gruppi. Berry hi attiva mmens f’kull qasam minkejja li f’ħafna miż-żmien ma ħadmitx xogħol bi qligħ. Għalhekk hi temmen ħafna fil-volontarjat. 

Iżda x’inhuma l-attivitajiet li Betty Berry tieħu sehem fihom?

“L-ewwel u qabel kollox, nara li jkolli ġurnata attiva u mimlija litteralment sa ruħ ommha. Nibda billi kull ġimgħa mmur il-laqgħat tal-Cub Scout kemm dawk li jsiru ġewwa kif ukoll barra. Nagħmel ukoll siegħa kuljum nieħu ħsieb xi pjanti fi ġnien li għandi fil-viċin filwaqt li meta jkun hemm il-każ, jien inkun qed noqgħod għassa mal-bajd li tkun faqqset il-fekruna fir-ramel.”

“Mill-banda l-oħra ma noqgħodx nikkalkula l-ħin li nagħmel sabiex insalva jew jekk jista’ jkun infejjaq annimali li jkunu mweġġħin jew inkella jkollhom xi inċident. Ġieli ħadt qniefed, friefet il-lejl, għasafar u sriep sabiex jiġu ndukrati għax ikollhom xi inċident.”

Betty tgħidilna li tat akkomodazzjoni lil familja mill-Ukrajna wara li fl-24 ta’ Frar li għadda faqqgħet il-gwerra f’diversi bliet Ukreni fosthom Kharkiv.

“Dawn kienu ħbieb tiegħi mill-Ukrajna li kelli ċ-ċans niltaqa’ magħhom u verament huma familja mill-aħjar. Ma xtaqtx li huma jbatu dik il-gwerra kiefra u kont naf li f’Kharkiv l-attakki kienu għaddejjin ġmielhom. Ma stajtx ma nagħmel xejn u mal-ewwel ikkuntattjajthom sabiex jiġu għandi.”

Hi tgħid li din il-familja kellhom vjaġġ twil li wasal sal-Ungerija sabiex eventwalment ġew f’Malta. Huma damu madwar sitt ġimgħat b’Betty li ħasbitilhom għal kollox mid-dokumenti legali sa servizzi soċjali u tas-saħħa, edukazzjoni, status ta’ refuġjati u anke prospetti ta’ xogħol. Għaliha kien hemm sens ta’ sodisfazzjon li wasslet għal dan kollu għax riedet tgħin akkost ta’ kollox lill-proxxmu.

Betty Berry tmexxi wkoll kampanji edukattivi fejn taqsam mat-tfal in-namra u l-għarfien tagħha fuq il-flora u l-fauna naturali lill-istudenti ta’ skejjel differenti. Kif tgħid hi t-tfal huma l-futur tas-soċjeta’ Maltija u għalhekk iridu jkunu jafu aktar dwar l-elementi naturali li huma mdawwrin bihom il-gżejjer Maltin.

Betty tkun ta’ spiss f’xi fieri li jiġu organizzati f’pajjiżna speċjalment dawk tan-Nature Trust li kif għedna hi attiva ferm fiha.

Hi tħobb ukoll tivjaġġa f’diversi postijiet partikolari l-aktar fejn ikun hemm xenarji naturali. Fil-passat hi żaret l-Antartika, il-foresta tal-Amazonja, il-Galapagos, it-Tanzanija, il-Brażil u l-Great Barrier Reef fl-Awstralja. Fil-jiem li ġejjin hi sejra n-Namibja sabiex tkompli din l-esperjenza verament sabiħa.

Ħafna jqisu lil Betty bħala eżempju ħaj ta’ kif għandha tkun l-anzjanità attiva. Hi għandha messaġġ importanti għal nies li huma tamparha.

“Jien ngħid lill-individwi li għandhom ċerta eta’ bħali sabiex dejjem iżommu lilhom infushom attivi. Mhux ideali li tqum filgħodu u ma tafx x’se taqbad tagħmel għax malajr tintelaq.”

“Jien inħossni żagħżugħa meta nkun attiva għalkemm irrid ngħid li l-età hemmhekk qiegħda. Ġieli nħoss xi ftit uġigħ ‘l hawn u ‘l hemm, hi xi ħaġa normali iżda meta niftakar x’għandi x’nagħmel u kif nista’ nagħmel il-ħajja ta’ ħaddieħor aħjar, malajr jerġa’ jibdieli.”

Betty dejjem għexet Għawdex. X’jolqotha minn dan il-post?

“Il-gżejjer Maltin kollha huma sbieħ iżda Għawdex għandu faxxinu enormi għalija. Xtrajna appartement bħala villeġġjatura hemmhekk lura għas-sena 1976 iżda tista’ tgħid li bqajna niġu hawn sakemm spiċċajna litteralment ngħixu hawn. Jien kelli l-familja hawn fosthom tlett itfal li mal-ewwel draw l-ambjent filwaqt li għamlu ħafna ħbieb.”

Hi tgħid li b’xorti ħażina qed tara lil Għawdex jinbidel ferm fosthom fin-numru ta’ nies li qed jiġu, l-iżvilupp urban li dejjem aktar qed jiżdied u anke t-traffiku. Dan kollu mhux daqshekk tajjeb skont Betty għax ikun qed jirrovina l-ambjent naturali li tant hu magħruf Għawdex bih.

Minkejja kollox, hi tħossha mdawwra b’ħafna nies Maltin u Għawdxin li jridulha l-ġid u li jħobbuha minkejja li kif tgħid hi mhux qed taqsam il-lingwa Maltija jew inkella d-djalett Għawdxi u m’għandha xejn li jorbotha ma’ dawn il-gżejjer. Madankollu hi tibqa’ affaxxinata b’dak li joffru dawn il-gżejjer speċjalment fin-natura li tant tħobb u li lesta tkompli tagħti l-kontribut tagħha sabiex ikun hawn ambjent aħjar.

Finalment Betty Berry xtaqet tirringrazzja lil dawk kollha li nnominawha u dawk li għażluha sabiex tirbaħ il-Premju Anzjanità Attiva 2022. Hi tgħid b’mod umli li ma kinitx qed tistenna dan l-unur u għaliha kien sorpriża meta hawn tant nies anzjani li jduru b’ħafna individwi oħra u jagħmlu l-ġid.

“Hemm aktar nies li għamlu l-ġid ferm aktar minni. Jien nibqa’ saqajja mal-art u nkompli nagħmel il-ġid f’kull livell għax dak hu d-dmir tiegħi lejn din is-soċjetà. Il-volontarjat hi xi ħaġa li nagħmel mill-qalb għax fih insib sens ta’ sodisfazzjon kbir.

Hi wiegħdet li se tkompli tgħin lil kulħadd, se tkompli tkun attiva f’diversi gruppi u għaqdiet għax in-nies u l-ħbieb tagħha jtuha s-saħħa li tibqa’ għaddejja. 

Ekonomija

Sport