Il-volontarjat jagħtik ħafna lura aktar minn dak li tkun qed tagħti; jimla lil ħajtek u tkun qed tnissel tbissima fuq fomm ħaddieħor bin-naqra li tagħmel inti! Dan kollu ħareġ mill-intervista li għamilna ma’ Tony Sammut, voluntier fid-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi, u li riċentament rebaħ l-unur prestiġjuż tal-Voluntier tas-Sena!
Tony Sammut qalilna li kien ta’ unur kbir għalih li mhux biss ġie nnominat, iżda li huwa unur bil-wisq ikbar li spiċċa rebaħ xi ħaġa li ma kienx qed jistenna. Huwa jiddedika dan l-unur lill-familja tiegħu u fi kliemu stess: “niddedikah lil ommi, lil missieri, lil ħija, u lid-Dar tal-Providenza li nnominawni u sħabi kollha li apoġġjawni fuq il-post tax-xogħol u f’kull aspett li kont involut fih”.
Huwa qasam magħna t-taħlita ta’ emozzjonijiet li għadda minnhom, kemm dawk ta’ ferħ, u sfortunatemnt ukoll dawk ta’ dieqa peress li l-mamà tiegħu “kienet ħalliet din l-art, u li għalkemm ilha issa kwazi sena, għadha friska l-ferita!” Iżda hu jkompli jiddeskrivi li fuq kollox din kienet “esperjenza sabiħa ħafna, tant li ma tantx tista’ ssib kliem biex tiddeskrivi l-emozzjonijiet kollha li qiegħed inħoss!”
Sammut b’ton kalm fil-vuċi tkellem ukoll dwar l-esperjenza tiegħu li issa tgħodd ’il fuq minn 30 sena, u b’ton ukoll xi ftit nostalġiku tkellem dwar kif kien ġie involut fil-maratona li kienet torganizza l-kerygma, fil-volleyball, li mbagħad tant kienet għal qalbu li spiċċa anke jorganizzaha hu stess “flimkien ma’ numru oħrajn ta’ nies li norganizzaw bħala kumitat il-maratona tal-ewwel tas-sena u anke l-maratona tal-volleyball.” Huwa kompla jiddeskrivi x-xogħol li jagħmel fejn ikun hemm bżonn u qalilna li “anke involvejt ruħi billi nagħmlu naqra ħin volontarju, noħorġu lir-residenti, u nimlew l-envelopps bid-djarji biex jintbagħtu lin-nies.” Ġieli anke jkun hemm bżonn li jinġarru xi affarijiet, jaqtgħu ż-żebbuġ biex jinġabru għad-Dar tal-Providenza. Dan kollu Sammut jiddeskrivih bħala “esperjenza sabiħa għax anke kien hemm żmien ngħallmu r-rugby lir-residenti tad-Dar tal-Providenza, u ngħinu lir-residenti biex jintegraw u jużaw l-isports, għall-ġid tagħhom biex jikbru f’dan l-aspett.”
Meta kien mitlub jitkellem dwar il-fatt li meta wieħed permezz tal-volontarjat ikun ukoll qiegħed jirċievi, huwa spjega li dan “altru milli huwa klixè, huwa verament eżistenti, għall-fatt li inti qed tagħti xi ħaġa u ma tistenna xejn lura, speċjalment meta tmiss id-Dar tal-Providenza, u tkun imdawwar magħom u tara dik it-tbissima fuq fommhom, jimlewlek qalbek, xi ħaġa li ma tistax tiddeskrivi, għax anke meta tmur hemm, il-problemi li jkolli tal-ġurnata hemmhekk jiġu fix-xejn, iżda wieħed irid jesperjenzaha biex jara verament il-ferħ li toffri esperjenza bħal din. Meta tagħti xi ħaġa u ma tistenna xejn lura tieħu ħafna u ħafna aktar minn dak li tkun tajt!”
Tkellimna wkoll dwar il-fatt li hawn min jgħid li min jagħmel il-volontarjat jagħmilha sempliċiment għax iħossu tajjeb hu, allura xorta jaf ikun hemm sens ta’ egoiżmu, iżda Sammut sostna li “l-fatt li wieħed jgħid li jagħti biex iħossu tajjeb ma narahiex li hi ġusta. Il-ħin huwa prezzjuż għal kulħadd u llum il-ġurnata sar jiswa mitqlu deheb, trid tinvesti l-ħin u l-enerġija tiegħek biex taqla’ l-flus, issa ladarba wieħed qed jagħmilha u mhu ser jieħu xejn lura, ma naħsibx li qed ikun jagħmilha għall-egoiżmu tiegħu, jiġifieri li nagħmel mhux għall-egoiżmu tiegħi jew biex inħossni aħjar, imma biex nara li jkolli sodisfazzjon u mill-ftit għajnuna tiegħi dawn in-nies qed jgħixu ħajja aħjar, imqar nara persuna tidħak jew nara persuna titjieb bis-saħħa tiegħi, ma naħsibx li dak jiġu egoiżmu imma sodisfazzjon.”
Iżda l-mistoqsija li wieħed taqa’ f’moħħu hi li kemm verament issib nies li lesti jidħlu jagħmlu xogħol volontarju ladarba l-ħin huwa prezzjuż, u għalhekk is-suġġett waqa’ fuq kemm hu jħoss li l-volontarjat naqas fis-soċjetà Maltija. Huwa wieġeb li “huwa inkwetanti li l-volontorjat sfortunatament naqas, jien stess involut f’numru ta’ affarijiet oħra u dejjem tkun iebsa biex issib numru ta’ voluntiera, għax kulħadd bil-familja u jkollu affarijiet privati oħra.”
Allura dan jitlob li “ngħallmu l-ġenerazzjoni tagħna, minn meta jkunu żgħar biex jinvolvu ruħhom fil-volontarjat, għax iva n-numru dejjem se jibqa’ jonqos, għax kulħadd ikollu l-prioritajiet tiegħu, familja u xogħol, skont l-esiġenza tal-persuna.” Huwa ddeskriva l-volontarjat bħala “xi ħaġa fraġli ħafna. Taf li llum għandek persuna qed tgħin, u għada m’għandekx garanzija għax din jaf titlaq minħabba li jkunu nbidlu l-prioritajiet u ċ-ċirkostanzi tagħha.”
Sammut ikkonkluda din l-intervista billi wassal messaġġ lil dawk li jixtiequ jinvolvu ruħhom fil-volontarjat fis-soċjetà Maltija, u qal li wieħed jista’ jinvolvi ruħu billi jgħin lill-annimali, sports, id-Dar tal-Providenza u għaqdiet oħra bħalma hi l-banda.” Kompla jagħti parir li kulma trid hu li tiddedika ftit ħin għal ħaddieħor biex tgħin. Allura hu jħeġġeġ lil kulħadd biex jipprova jsib ħin u jgħin, għax “il-fatt li inti tagħti jaf issib il-mewġ kontra, imma l-volontarjat jgħinek biex inti ssaħħaħ il-karattru tiegħek, titgħallem u tikber ħafna bil-volontarjat, u ftit sigħat fil-ġimgħa jagħmlu differenza kbira fil-ħajja ta’ ħaddieħor!”