Wednesday, December 3, 2025

Il-Vuċi ta’ Għawdex fl-MCESD

Aqra wkoll

Meta nitkellmu fuq id-diskussjonijiet li jiffurmaw il-politika soċjali u ekonomika ta’ Malta, ma nistgħux ma nsemmux il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD). Dan il-Kunsill jagħti spazju strutturat għad-djalogu bejn il-Gvern u l-imsieħba soċjali, sabiex l-idejat u l-pożizzjonijiet ta’ diversi setturi jiġu diskussi b’mod serju u nklussiv. Fi ħdan dan il-qafas, Għawdex għandu siġġu essenzjali permezz tal-Kumitat Reġjonali Għawdex (GRC), li jġib il-vuċi tal-gżira direttament fuq il-mejda tal-MCESD. Dan jiżgura li s-suġġerimenti u r-rakkomandazzjonijiet relatati ma’ Għawdex jingħataw prijorità fil-livell nazzjonali.

X’inhu eżattament il-GRC?

Il-Kumitat Reġjonali Għawdex huwa sotto-kumitat tal-MCESD magħmul minn rappreżentanti minn diversi setturi li jirrappreżentaw il-gżira. Fih hemm in-negozju, kemm intrapriżi kbar kif ukoll negozji żgħar u medji, l-industrija tat-turiżmu li hija parti mill-identità u l-ekonomija tal-gżira, kif ukoll l-universitarji li jġibu magħhom riċerka u ħsieb strateġiku għall-futur. Hemm ukoll rappreżentanza mill-ħaddiema u l-unions, is-settur tal-volontarjat u l-NGOs li jindirizzaw sfidi soċjali ta’ kuljum, kif ukoll l-istituzzjonijiet pubbliċi bħall-Ministeru għal Għawdex u l-Kunsilli Lokali. Il-preżenza tal-Knisja permezz tad-Djoċesi toffri dimensjoni morali u komunitarja li tibqa’ kruċjali fil-ħajja soċjali tal-gżira. Il-kompożizzjoni ta’ dan il-Kumitat tagħti lill-GRC il-piż meħtieġ biex il-vuċi ta’ Għawdex tkun sħiħa, matura u influwenti quddiem l-MCESD.

Għaliex hu importanti?

Il-GRC jiltaqa’ kull xahar biex jiddiskuti temi u sfidi li jolqtu direttament lill-komunità Għawdxija. Dawn il-punti jkopru mhux biss il-ħajja ta’ kuljum, iżda wkoll ir-realtajiet fit-tul li qed tiffaċċja l-gżira, bħall-konnettività ma’ Malta, l-isfidi demografiċi u t-tnaqqis tal-popolazzjoni żagħżugħa, l-appoġġ għan-negozji lokali u s-setturi tradizzjonali, il-bilanċ bejn tkabbir u kwalità tal-ħajja, kif ukoll l-iżvilupp sostenibbli li jħares lejn il-protezzjoni tal-identità unika Għawdxija.

Minkejja li l-laqgħat isiru skont l-aġenda, il-kumitat jiġbor informazzjoni u statistika, jagħmel analiżi u jiddokumenta l-ħsibijiet tal-Għawdxin, biex finalment iressaq il-pożizzjonijiet tiegħu quddiem l-MCESD fil-preżenza tal-Gvern u l-imsieħba soċjali kollha. B’dan il-mod, il-vuċi ta’ Għawdex tkun dejjem parti integrali mid-djalogu u mit-teħid tad-deċiżjonijiet nazzjonali.

Il-viżjoni tal-GRC

Il-viżjoni tal-GRC hija ċara: li jagħmel lil Għawdex parti attiva fil-proċessi ta’ deċiżjoni nazzjonali u mhux sempliċement osservatur minn barra. Il-kumitat ma jillimitax ruħu għal konsultazzjonijiet biss; jinġabru flimkien in-negozju, l-industrija, il-ħaddiema, il-volontarjat u l-istituzzjonijiet pubbliċi biex joħolqu djalogu miftuħ u nklussiv, jipprepara pożizzjonijiet b’saħħithom u jressaqhom fuq l-aġenda tal-MCESD.

Dawn l-inizjattivi mhux biss iħarsu ’l quddiem u joffru opportunitajiet ġodda, iżda wkoll iżommu ħaj il-karattru u l-identità Għawdxija. Il-GRC jemmen li l-progress ta’ Għawdex għandu jkun integrat mal-progress ta’ Malta, u li l-leħen tal-gżira għandu jinstema’ b’saħħtu fuq il-livell nazzjonali.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport