Monday, December 16, 2024

IL-WAQGĦA TAR-REĠIM SIRJAN… AĦBAR TAJBA JEW LE?

Aqra wkoll

Il-waqgħa tar-reġim Sirjan ta’ al-Assad wara 54 sena fil-poter, hija aħbar tajba jew le għar-reġjun tal-Mediterran? Id-demokrazija fis-Sirjan tul it-tmexxija tirrannika ta’ Assad ma kinitx teżisti u dan wassal biex eluf inqatlu u għexieren oħra kellhom jaħarbu minn pajjiżhom. Hawn rajna esodu ta’ Sirjani, inkluż f’pajjiżna, li ma kellhomx triq oħra ħlief li jaħarbu biex isalvaw ġildhom. 

Il-waqa’ tar-reġim Sirjan huwa mument kruċjali fl-istorja Moderna tar-reġjun. Iżda dan jista’ jwassal għal riperkussjonijiet ta’ avvenimenti li jestendu ferm lil hinn mill-fruntieri tas-Sirja. Avvenimenti li jistgħu jinfluwenzaw id-dinamika ġeopolitika, il-kriżi umanitarja, kif ukoll il-ġlieda kontra t-terroriżmu. 

Fost l-implikazzjonijiet hemm il-kollass ekonomiku tas-Sirja. Dan il-pajjiż ilu s-snin f’diffikultà bil-munita tesperjenza żvalutazzjoni u inflazzjoni bla preċedent. Din issa mistennija li tiżdied. Snin ta’ gwerra, korruzzjoni u sanzjonijiet internazzjonali xekklu l-istabbiltà finanzjarja tar-reġim u għamluha dejjem aktar diffiċli li jiġu pprovduti servizzi bażiċi. 

Iżda, aktar minnhekk il-veru tħassib huwa l-interess politiku internazzjonali. Hawn qegħdin nitkellmu l-aktar dwar interessi Iranjani u Russi. Assad kien alleat tal-President Russu Vladimir Putin fejn, fil-fatt, dan tal-aħħar tah kenn politiku fir-Russja. Hawn wieħed irid jistenna biex jara x’se jkunu l-mossi tar-Russja hekk kif “tilfet” alleat fil-poter importanti fil-Lvant Nofsani. 

Il-bidla fir-reġim tas-Sirja tista’ wkoll twassal għal bidla fil-bilanċi tal-poter fil-Lvant Nofsani. It-Turkija, l-Iran u l-istati tal-Golf jistgħu jidħlu f’konflitt bejniethom għall-influwenza fis-Sirja. Filwaqt li, gruppi estremisti bħall-ISIS, jistgħu jisfruttaw l-instabbiltà preżenti biex jerġgħu jingħaqdu. Dan kollu f’sitwazzjoni fejn diġà għandna żewġ gwerer severi – dik tal-Ukrajna u l-oħra fiż-żona stess tal-Lvant Nofsani. Huwa kruċjali li l-komunità internazzjonali tara dawn l-iżviluppi u tħaddan strateġija unifikata. Għandha tingħata prijorità lid-diplomazija fuq il-kompetizzjoni u jiżguraw li s-Sirja ma ssirx post ta’ battalja għal kunflitti usa’.

Bil-waqgħa tar-reġim Sirjan qegħdin ngħixu t-tmiem ta’ era brutali kif ukoll il-bidu ta’ kapitlu ġdid kumpless. Il-partijiet interessati fuq skala internazzjonali u reġjonali għandhom jaġixxu b’mod deċiżiv u uman. Dan billi jagħtu prijorità l-benesseri tal-poplu Sirjan li tant sofra fis-snin ta’ ħakma ta’ Assad. 

Irridu nżommu f’moħħna li l-kollass ta’ dan id-dittatur jista’ jaggrava l-kriżi umanitarja diġà serja tas-Sirja. Kontra għal dak li ħafna ħasbu li issa ħafna Sirjani se jirritornaw f’art twelidhom, bl-instabbiltà li hemm bħalissa, jista’ jkun hemm spostament ta’ miljuni. L-influss ta’ refuġjati lejn il-pajjiżi ġirien u l-Ewropa jista’ jintensifika bil-konsegwenza li jkompli jgħabbihom aktar milli jifilħu, l-pajjiżi li diġà laqgħu fosthom ħafna Sirjani.

Huwa biss permezz ta’ governanza inklużiva, rikostruzzjoni u rikonċiljazzjoni li s-Sirja u magħha ċ-ċittadini tagħha, tista’ tittama li fis-snin li ġejjin terġa’ tqum fuq saqajha. Għalhekk, l-Unjoni Ewropea trid tkun b’għajnejha miftuħa għall-iżviluppi li jistgħu jseħħu fis-Sirja u fir-reġjun b’mod inġenerali biex tkun lesta għal kull eventwalità.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport