Is-Sibt 4 ta’ Jannar it-Tliet Slaten Maġi bdew il-vjaġġ tagħhom lejn il-villaġġ tan-natività ta’ Bethlehem f’Għajnsielem. L-ewwel żjara tagħhom fl-Malta kienet fil-Palazz ta’ Sant’Anton, fejn iltaqgħu mal-E.T. il-President ta’ Malta, Myriam Spiteri Debono, żjarat oħra kienu fil-ħabs ta’ Kordin, id-Dar il-Providenza u l-Parroċċa ta’ San Bastjan u San Ġorg f’Ħal Qormi.
Il-Ħadd filgħodu telqu mill-Imġarr, Malta, għal aktar żjarat, fosthom id-dar tal-anzjani il-Mellieħa kif ukoll attività ta’ laqgħa ma’ Erodi fil-bitħa tas-Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa, wara komplew fi triqthom lejn iċ-Ċirkewwa biex jaqsmu l-fliegu lejn Għawdex.
Il-Maġi f’Għawdex
Mall-wasla tagħhom fl-Imġarr Għawdex baqgħu sejrin f’Dar San Ġuzepp, dar ġdida għall-anzjani, b’veduta mil-isbaħ tax-xatt l-aħmar. Hawn iltaqgħu mar-residenti u l-istaff ta’ din id-dar. Wara il-maġi għaddew min ħdejn Dar Arka, dar li toffri kull xorta ta servizz għall-persuni b’diżabilità. Ir-residenti flimkien mal-helpers ħarġu fir-triq fejn fost ferħ kbir ħadu ukoll xi ritratti magħhom. Fi triqthom lejn is-sit storiku ta’ Bethlehem għaddew u daħlu fil-Knisja Parrokkjali tal-Madonna ta’ Loretu ta’ Għajnsielem fejn offrew Rigali lil Ġesù Bambin.
Il-qofol ta’ dan il-vjaġġ intlaħaq bil-wasla tal-magi fil-grotta ta’ Bethlehem fejn twieled Ġesù Bambin biex mhux biss jippreżentawlu r-rigali iżda jadurawh.
Ritratti: Joe Grech.