Yana Mintoff bi twissija ta’ periklu għal kulħadd
Attivisti allegaw li ġew imwissija li kull min ixejjer bandiera Palestinjana waqt il-logħba tal-futbol imtella’ lokalment din il-ġimgħa bejn it-tim Malti u dak Iżraeljan “Tel Aviv Maccabi”, jista’ jeħel multa sa €80,000 u jitkeċċa mill-avveniment sportiv. Dan fi żmien meta l-bandiera Palestinjana qiegħda tixxejjer fi protesti kbar mal-erba’ kantunieri tad-dinja b’turija ta’ solidarjetà mal-poplu f’Gaża li jinsab taħt assedju minn Iżrael.
Dawn il-protesti qegħdin isiru wkoll f’ħafna pajjiżi Ewropej, iżda mhux biss bl-aħħar waħda massiva tkun fil-Ġappun fejn miljuni ta’ nies għajtu l-għajta kollettiva għall-waqfien tal-ġenoċidju tal-poplu Palestinjan.
“Għaliex is-Supretendent tal-Pulizija ċempel biex iwissina li jekk nazzardaw inxejru bandiera Palestinjana fl-istadium nitkeċċew u niġu mmultati €80,000 kull wieħed? Meta għamilna pressjoni fuqu dan spjegalna li dawn huma direttivi mill-UEFA. Minn meta l-Istat Malti jieħu ordnijiet mill-UEFA? Ma rbaħniex il-libertà tagħna bħala Stat Sovran u mhux allinjat? Għadna biss pupazzi tal-oligarki, ikkolonizzati mill-interessi kapitalisti tal-Punent? Għomja quddiem il-ġuħ tal-massa li qiegħed iseħħ proprju quddiem għajnejna?”.
Staqsew dan il-grupp Watermelon Warriors, magħruf għall-attiviżmu tiegħu favur il-ġustizzja fil-Palestina fi stqarrija li ħarġu fejn qalu li skont is-Supretendent tal-Pulizija, dawn huma direttivi mill-UEFA – punt li qajjem tħassib dwar is-sovranità u l-libertajiet ċivili f’Malta.
“Ċelebrazzjoni ta’ impunità”
Dan il-grupp organizza protesta paċifika nhar it-Tlieta li għadda, 5 ta’ Awwissu, ħdejn l-Istadium Tony Bezzina f’Raħal Ġdid, b’bandieri u messaġġi li jiddenunzjaw il-vjolenza li qiegħda tkompli tiżdied f’Gaża. Fl-istess waqt, bandiera Palestinjana ġiet mdendla minn fuq il-bastjuni tal-Isla, li setgħet tidher mill-istadium.
Din l-allegata twissija saret fl-istess ġurnata li fiha l-klabb tal-futbol Maccabi Tel Aviv lagħab partita f’Malta fost protesti qawwija minn diversi gruppi tas-soċjetà ċivili li kkritikaw din l-inizjattiva bħala waħda “ċelebrazzjoni ta’ impunità”.
L-istess grupp staqsa għaliex pajjiżna qiegħed jilqa’ tim li huwa marbut “b’mod ċar” mal-istat Iżraelit li qiegħed iwettaq ġenoċidju fejn insista li, “Maltin u Għawdxin qegħdin jiġu mġiegħla jħallsu għas-sigurtà ta’ delegazzjoni Iżraeljana ta’ 50 ruħ, b’toroq magħluqa u buffer zones li lanqas mistieden statali ma jirċievi. Dan kollu waqt li tfal f’Gaża qegħdin imutu bil-ġuħ u jsofru minn malnutrizzjoni akuta”.
Logħba paċifika fi żmien gwerra?
L-attivisti qegħdin jisħqu li, “l-logħba saret l-għada li l-President Netanyahu ħabbar espansjoni militari massiva tal-assedju ta’ Iżrael fuq Gaża”. Hawn fakkru kif in-nies f’Gaża, li jinsabu taħt attakki u mkeċċija minn djarhom, għadhom qegħdin isofru u jmutu bil-ġuħ.

Spjegaw ukoll li f’Gaża, “il-mard qiegħed tinfirex b’mod allarmanti. In-nuqqas serju ta’ nutrizzjoni laħaq livelli kritiċi fejn b’mod partikolari t-tfal, saru għadma u ġilda u numru allarmanti minnhom qegħdin jispiċċaw bla saħħa u jitilfu d-dawl t’għajnejhom. L-istituzzjonijiet Iżraeljani li huma direttament responsabbli għandhom jinżammu responsabbli”.
Fl-istqarrija tennew kif, “huwa fatt li l-istat Iżraeljan deliberatament qered il-possibbiltajiet tat-tfal Palestinjani li jilagħbu l-futbol u mmira direttament atleti Palestinjani fejn qatilhom, ferihom jew qafilhom fil-ħabs. Huwa fatt li Iżrael qiegħed iżid l-attakki tiegħu fuq id-djar, l-għelieqi u l-ħajjiet tal-Palestinjani permezz ta’ vjolenza. Huwa fatt ukoll li t-tim Maccabi ta’ Tel Aviv huwa integrat sew fl-istat Iżraeljan, li regolarment isejjaħ liż-żgħażagħ tiegħu biex jieħdu sehem fil-politiki kriminali u l-okkupazzjonijiet illegali tiegħu”.
Quddiem dan is-soċjetà ċivili Maltija staqsiet għaliex it-tim Maccabi Tel Aviv – b’din l-istorja ta’ vjolenza ġewwa u barra l-pajjiż – ġie mistieden jilgħab f’Malta, pajjiż paċifiku u newtrali? Staqsew ukoll, “għaliex l-istat Malti firex it-tapit aħmar u alloka toroq sħaħ f’Kordin biex tgħaddi minnhom delegazzjoni Iżraelita? Għaliex ġie mmobilizzat korp kbir tal-Pulizija għal 24 siegħa biex jimblokkaw u jipproteġu t-toroq?”
Bżonn ta’ konsistenza morali u legali. Projbizzjoni… Għala r-Russi iva u l-Iżraeliti le?
Il-Watermelon Warriors indikaw li, bħal diversi pajjiżi bħall-Olanda, Malta għandha timxi ‘l quddiem billi timponi projbizzjonijiet ta’ dħul fuq istituzzjonijiet u individwi li huma kompliċi fil-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u fl-okkupazzjonijiet illegali.
Dawn l-attivisti qegħdin jitolbu li jkun hemm projbizzjoni ta’ dħul għal istituzzjonijiet u persuni kompliċi fil-ġenoċidju tal-poplu Palestinjan u l-okkupazzjoni llegali tal-Iżraeliti f’Gaża. Iridu, bħal miljuni ta’ nies u attivisti oħra madwar id-dinja, ġustizzja għall-Palestina.
L-appell tagħhom huwa għal konsistenza morali u legali fejn aċċennaw il-fatt li Malta, fuq talba tal-Unjoni Ewropea, ipprojbixxiet lit-timijiet Russi mentri fil-każ ta’ Iżrael għadha ma ħarġet ebda projbizzjoni. Irribattew il-mistoqsija, “għala?” u għalqu jitolbu azzjoni konkreta fejn saħqu li, “jeħtieġ kundanna soda. Jeħtieġ sanzjonijiet issa”.
Dwar din is-sitwazzjoni se ngħalqu b’kumment mill-attivista Yana Mintoff li fejn wissiet kif, “ir-razziżmu u r-regħba inkorporata f’xi sistemi ta’ poter bħal Iżrael u l-Istati Uniti huma perikilużi għal kulħadd. Ġustizzja għal wieħed hija ġustizzja għall-kulhadd. Aħna l-Maltin ġirien tal-Palestina għal eluf ta’ snin u rridu nieħdu pożizzjoni. Solidajetà”.