Wednesday, February 26, 2025

Il-waterpolo jirrikjedi ħafna sagrifiċċju, dedikazzjoni u sigħat twal ta’ ħidma – Jake Bajada

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-waterpolo? 

Minn etá żgħira dejjem kont sportiv u kont inħobb nipprova sports differenti. Ta’ xi 12-il sena kont mort nara logħba waterpolo ma’ missieri u minn dakinhar kont tħajjart nibda nipprattikah. Kienet logħba taħraq, u l-pass mgħaġġel tal-logħba u l-atmosfera fil-pixxina kienet għoġbitni wisq. Minn hemmhekk kont naf li l-waterpolo huwa l-isport għalija. 

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Neptunes WPSC s’issa. 

Meta kkuntattjawni n-Neptunes biex ningħaqad magħhom, kont naf li dak kien il-pass li jmiss għall-karriera tiegħi fil-waterpolo. Kont għadni kif ġej minn staġun pjuttost tajjeb mal-Exiles u meta klabb tal-kalibru tan-Neptunes juri interess fik diffiċli tirrifjuta. Il-kumitat, staff tekniku, kowcis u l-plejers urew fiduċja kbira fija u llum il-ġurnata nista’ ngħid li nqishom parti mill-familja tiegħi. Għal dan nixtieq nirringrazzjahom kollha. 

X’inhuma t-tragwardi tagħkom għas-sajf li ġej?

L-għan tan-Neptunes dejjem kien li naħdmu u nistinkaw flimkien biex il-klabb jerġa’ jirbaħ il-kampjonat. L-istandards ta’ klabb tant prestiġjuz dejjem jirrikjedu li tirbaħ l-unuri. Permezz tad-dedikazzjoni tat-tim flimkien mal-gwida u l-esperjenza tal-kowċ, Alexander Ciric, il-klabb qiegħed jaħdem bit-tir li nilħqu dan il-ghan. 

Iddeskrivi l-esperjenza li għamilt fis-Serbja lura fi 2018. Kemm għenitek din l-esperjenza fil-karriera tiegħek? 

Meta ngħaqadt mat-tim ta’ Radnicki fl-2018, kelli biss 18-il sena. Avolja kienet diffiċli li nħalli lil familti u ngħix barra minn Malta din l-esperjenza kienet iddixxiplinatni u mmaturatni kif ukoll urietni kemm hemm ħin u xogħol involut biex tilħaq livell għoli fil-waterpolo. B’hekk nixtieq nirringrazzja lil Andrew Paris li aċċetta li nħalli lit-team tal-Exiles għax-xitwa għal din l-opportunitá.

 Kif tqis il-livell tal-waterpolo Malti fil-preżent?

Il-livell tal-waterpolo Malti jidher biċ-ċar, mill-aħħar rizultati tat-tijimiet tan-nazzjonal tal-kbar, taż-żgħar u tan-nisa. Qed naraw numru ta’ kowċis ta’ livell u esperjenza għolja, li qegħdin jiġu Malta u jagħtu l-kontribuzzjoni tagħhom lejn il-waterpolo f’pajjiżna. Apparti minn hekk, qed naraw ukoll bidla fil-mentalitá lejn l-isport minn aspett professjonali fejn hawn ħafna plejers qed jagħtu iżjed importanza lejn l-isport u jqisuh bħala l-professjoni ewlenija tagħhom. 

U dak tar-riżorsi (pixxina) fejn tilagħbu l-logħob tagħkom? 

Hija ħasra li naraw żieda fir-riżorsi tal-Pixxina Nazzjonali meta jsiru avvenimenti bħall-finali taċ-Champions League u wara ma jinżammux hemm biex jintużaw għall-kampjonati lokali wkoll. Iżda, nixtieq ngħid ukoll li qed jidher ħafna progress diġá bħall-pixxina l-ġdida fil-Kottonera u f’Għawdex. Dawn huma passi pożittivi li se jgħinu l-livell tal-waterpolo Malti jimxi ‘l quddiem.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-waterpolo?

L-għan tiegħi huwa dak li nagħmel ħilti kollha u naħdem qatigħ biex nibqa’ nilgħab f’livell għoli, intejjeb lili nnifsi, u flimkien mat-tim, inġibu l-unuri lura n-Neptunes u lejn il-partitarji tagħna. 

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-waterpolo. 

Il-waterpolo jirrikjedi ħafna sagrifiċċju, dedikazzjoni u sigħat twal ta’ ħidma. Se jkun hemm mumenti diffiċli fejn tfalli u tħossok qed taqta’ qalbek. Peró, jekk għadek ma fallejtx, m’intix qed tipprova biżżejjed biex tilħaq l-għanijiet tiegħek!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport