Monday, March 3, 2025

Il-waterpolo mhuwiex biss kemm tikseb titli; huwa wkoll li tibni ħbiberiji, titgħallem, tikber bħala atleta u bħala persuna – Travis Boyd

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-waterpolo?

L-imħabba tiegħi lejn il-waterpolo bdiet minn età żgħira mas-Sliema. Waqt li qed nikber, kont inqatta’ sigħat twal fil-pitch ta’ Tas-Sliema, mhux biss nilgħab it-table soccer u niltaqa’ ma’ sħabi, imma anke biex niżviluppa konnessjoni profonda mal-isport. Kien qisu t-tieni dar tiegħi.
Bdejt nilgħab il-waterpolo taħt il-gwida tas-Sur Alfred Cachia, u waqt li qed igerrbu s-snin, id-dedikazzjoni u x-xogħol tiegħi wassal biex intgħażilt mal-gruppi l-kbar. Eventwalment, ksibt posti fit-tim tas-senior tal-irġiel, fejn komplejt nikber u nirfina fl-abiltajiet tiegħi.

Kif bdejt nagħmel il-progress, kont iffortunat biżżejjed biex inkun rikonoxxut mill-kowċis tas-senior li emmnu fil-potenzjal tiegħi. L-iktar moment ta’ kburija fil-karriera tiegħi kien meta rbaħt l-unuri mas-Sliema fl-1999, waqt it-tmexxija tal-Head Coach Peter Paolella. Il-fiduċja li kellu fija kellha rwol importanti u kruċjali fl-iżvilupp tiegħi, u nibqa’ grat għas-sapport li kien tani sal-lum il-ġurnata.

Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala Team manager tat-tim tal-waterpolo tan-nisa ta’ Sliema ASC.

L-irwol tiegħi bħala Team Manager tan-nisa ta’ Sliema ASC bdiet meta bdejt ngħin lil Mario Cachia, li kien bena t-tim. Minn hemm, ir-responsabbiltajiet tiegħi kibru, u llum nagħmel ċert li kollox imur sew kemm fil-piċċ u anke barra l-piċċ. Inkun bħala pont bejn il-plejers, il-kowċis, u wkoll il-klabb tal-kumitat, biex nara li t-tim għandu r-riżorsi neċessarji biex jitħarreġ u jikkompeti fl-ogħla livell.

Norganizza wkoll l-iskeda tat-taħriġ, nikkordina l-loġistika għal-logħob u t-tournaments, u nara li l-plejers għandhom l-aqwa ambjent biex jiżviluppaw u jagħmlu suċċess. Jien ukoll għandi rwol li nżomm il-moral tat-tim, li nsawwar sens kbir ta’ unità, u li ngħin lill-atleti jibqgħu ffukati u motivati matul dan l-istaġun.

Naħdem ukoll mill-viċin ġurnata b’ġurnata mal-kowċing staff biex nissapportja l-iżvilupp tal-plejers u nippjanaw strateġija. Naħdem ukoll ma’ uffiċjali tal-klabb u stakeholders esterni biex inkompli nsaħħaħ il-pożizzjoni tat-tim kemm lokali u anke f’kompetizzjonijiet internazzjonali.

Dan ir-rwol ma kienx ikun possibbli mingħajr is-sapport kbir tat-tim amministrattiv, partikolarment ta’ Anton Restall, u Ryan Colerio, id-Direttur tal-isports, li kien instrumentali biex jassigura li kollox imur sew. Irrid ukoll nirrikonoxxi l-kontribuzzjoni imprezzabbli tal-membri kollha tal-kumitat li jaħdmu bla waqfien minn wara l-kwinti biex jgħinu lit-tim jirnexxi.

Finalment, l-għan tiegħi huwa li ngħin lit-tim jikber, jikseb is-suċċess, u nkomplu l-legat ta’ Sliema ASC fil-waterpolo Malti. Bid-dedikazzjoni, ħidma f’tim, u mindset tajba, nemmen li nistgħu nilħqu livelli ogħla.

Kif qed tħarsu lejn il-kampjonat tas-sajf li ġej?

Wara perjodu twil b’nuqqas ta’ rebħ ta’ unuri għolja, is-sena l-oħra kien suċċess għax irnexxielna nġibu d-double  – huwa suċċess kbir għall-klabb wara tant snin. Dan is-suċċess kien possibbli grazzi għad-dedikazzjoni tal-kumitat preċedenti, u issa, taħt it-tmexxija tal-President, is-Sur George Gregory, flimkien miegħi u l-kumitat attwali, komplejna nibnu dan il-momentum.

L-għan tagħna jibqa’ ċar: li nibqgħu naħdmu għal aktar unuri kbar fil-waterpolo lokali, inżommu l-istatus tagħna bħala l-akbar klabb b’suċċessi f’Malta. Din is-sena diġà rbaħna l-Enemed Cup 2025, b’taħlita tajba ta’ talenti żgħar u plejers b’esperjenza twila. Apparti minn hekk, għamilna wkoll l-istorja billi pparteċipajna fiċ-Challenger Cup, fejn mhux biss ikkwalifikajna imma wkoll ilħaqna s-semi finali – li huwa akkwist għall-klabb tagħna u anke għal Malta.

il-futur jidher sabiħ ħafna, speċjalment b’kowċing b’saħħtu u l-ħafna individwi dedikati li jaħdmu minn wara l-kwinti. Nibqgħu ffukati u motivati, u nittamaw li niksbu suċċess akbar is-sajf li ġej. Nittamaw għall-aħjar.

Kif tqis il-livell tal-waterpolo tan-nisa f’pajjiżna, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?

Il-waterpolo tan-nisa f’Malta għamel progress sinifikanti ħafna matul is-snin, u li nżommu dan il-livell jirrikjedi investiment kontinwu fl-iżvilupp taż-żgħar, il-kowċing u opportunitajiet kompetittivi. Waħda mill-fatturi ewlenin hi li niżguraw li atleti nisa għandhom is-sapport, inkluż programm ta’ taħriġ bi kwalità, kowċis esperjenzati, u parteċipazzjoni regolari kemm lokali u anke f’kompetizzjonijiet internazzjonali.

Matul is-snin, rajt il-popolarità ta’ dan l-isport tikber, u ħafna aktar tfajliet bdew jidħlu fil-waterpolo u juru potenzjal kbir. Id-dedikazzjoni tal-klabbs, is-setup tat-tim nazzjonali, kienu kruċjali biex jipprovdu r-riżorsi neċessarji biex jgħinu lill-atleti nisa jiżviluppaw l-abilitajiet tagħhom u jikkompetu fl-ogħla livelli.

Bidla importanti oħra kienet fil-professjonaliżmu u fi programmi strutturati, li għenu biex jgħollu l-livell tal-logħba. Illum naraw aktar logħob kompetittiv, faċilitajiet aħjar, u aktar rikonoxximent fil-waterpolo tan-nisa, li huwa essenzjali għas-suċċess.

Inħarsu ’l quddiem, iċ-ċavetta hi li nibqgħu nibnu fondazzjoni billi ninkoraġixxu parteċipazzjoni, intejbu l-istruttura tat-taħriġ, u naraw li jkollna esposizzjoni internazzjonali. Bil-viżjoni t-tajba u dedikazzjoni kontinwa, il-waterpolo tan-nisa f’Malta jista’ jibqa’ jikber u nilħqu għanijiet ġodda.

U dak tar riżorsi fejn il-plejers jitħarrġu u jilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Ir-riżorsi disponibbli għat-taħriġ u l-logħob kompetittiv huma kruċjali għall-iżvilupp tal-waterpolo f’Malta. Matul is-snin, rajna titjib fil-faċilitajiet, imma dejjem hemm lok għal titjib. Li jkollna aċċess għal pixxini ta’ kwalità, ġimm attrezzat u apparat avvanzat huwa essenzjali biex il-plejers jitħarrġu b’mod effiċjenti.

Filwaqt li ċertu klabbs huma ffortunati li għandhom piċċ attrezzat, oħrajn għadhom qed isibu sfidi biex ikollhom apparat adekwat. Biex niżguraw li kull tim – kemm tan-nisa u anke tal-irġiel – biex ikollhom aċċess mill-aqwa huwa importanti biex ikabbar dan l-isport u jkunu kompetittivi.
Aspett importanti ieħor huwa l-iskeda tal-pixxina, speċjalment waqt l-aktar użu tat-taħriġ. B’aktar timijiet u kompetizzjonijiet, jeħtieġ koordinazzjoni tajba biex nagħtu lill-atleti aċċess ġust u l-aħjar ambjent ta’ taħriġ.

Inħarsu ’l quddiem, b’investiment kontinwu fl-infrastruttura u faċiliatjiet eżistenti, iċ-ċentri tat-taħriġ jgħinu biex jelevaw l-istandard tal-waterpolo f’Malta. Iktar ma ntejbu dawn ir-riżorsi, aktar huwa aħjar għat-timijiet biex jilagħbu kemm lokali u anke fuq livell internazzjonali.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek bħala Team manager tat-tim tan-nisa ta’ Sliema ASC?

Nara l-futur tiegħi bħala Team Manager tan-nisa ta’ Sliema ASC bħala eċitanti. L-għan ewlieni tiegħi huwa li nkompli nibni tim b’saħħtu u kompetittiv filwaqt li nipprovdi lill-plejers l-aħjar ambjent biex ikomplu jiżviluppaw l-abilitajiet tagħhom u jilħqu l-ogħla potenzjal.

Sliema ASC għandu storja ta’ kburija, u jien nixtieq inżomm dan l-istandard għoli għal aktar suċċess. Għandna taħlita ta’ talenti bi plejers esperjenzati u atleti żgħar li jippromettu, u l-għan tiegħi huwa li huma jibqgħu jirċievu l-gwida, is-sapport u r-riżorsi meħtieġa biex jikkompetu fl-ogħla livell.

Irrid ukoll nibqa’ nsaħħaħ il-kultura tat-tim, inrawwem unità, id-dixxiplina u mentalità biex nirbħu. Li naħdem mill-viċin mal-kowċing staff u l-kumitat l-għan hu li nkomplu nġibu s-suċċess fil-waterpolo tan-nisa.

Ninsab determinat li ser ngħin lit-tim jilħaq suċċess kemm lokalment u anke internazzjonalment. B’aktar dedikazzjoni u sapport, nemmen li nistgħu nibnu futur sabiħ għat-tim tan-nisa ta’ Sliema ASC.

Għaddi messaġġ finali speċjalment lil dawk il-bniet u tfajliet li jixtiequ jagħmlu karriera ta’ suċċess fil waterpolo.

Dawk it-tfajliet żgħar li jaspiraw li jkunu atleti u li joħolmu b’karriera ta’ suċċess fil-waterpolo – emmen fik innifsek u tibża’ qatt taħdem għal dak li temmen fih u li trid. Dan l-isport jitlob dedikazzjoni, dixxiplina, u perserveranza, imma b’passjoni, inti tista’ tikseb affarijiet kbar.

Dawwar lilek innifsek b’nies tajbin – kowċis, membri tat-tim, u mentors – li jissapportjawk u jgħinuk tkun l-aħjar. Dejjem kun lest li titgħallem, titjieb, kemm fit-taħriġ u anke f’kompetizzjoni. Is-suċċess mhux se jiġi mil-lum għal għada, imma bil-paċenzja u determinazzjoni, tiżra’ dak li taħsad.

L-aktar importanti, għożż dan il-vjaġġ. Il-waterpolo mhuwiex biss kemm tikseb titli; huwa wkoll li tibni ħbiberiji, titgħallem, tikber bħala atleta u bħala persuna. Ibqa’ ffukata u qatt tieqaf temmen fil-potenzjal tiegħek. Il-futur tan-nisa tal-waterpolo huwa sabiħ, u inti tista’ tkun parti minn dan is-suċċess.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport