Il-gwerra fl-Ukrajna, li bdiet bħala eżeċizzju militari mir-Russja, dieħla fir-raba’ sena tagħha. Għadda ż-żmien u l-fatalitajiet baqgħu jiżdiedu bħalma qiegħda tiżdied il-ħsara bil-biljuni ta’ ewro fuq l-infrastruttura Ukrena. Minkejja li kien hemm xrara ta’ tama li bil-ħatra ta’ President il-ġdid tal-Istati Uniti, Donald Trump, din il-gwerra fl-aħħar tintemm, dan għadu ma seħħx. Trump kien qal li ladarba jkun b’mod uffiċjali l-President tal-Istati Uniti, huwa se jtemm il-gwerra fl-Ukrajna fi żmien 24 siegħa. L-24 siegħa għaddew iżda l-ftehim ta’ paċi, kif qegħdin naraw, ma ntlaħaqx. Dan għax, minn kliemu stess, sab li “is-sitwazzjoni hija kkomplikata aktar milli ħsibt”. Fis-sitwazzjoni preżenti fejn ir-Russja kompliet tattakka u terbaħ territorju Ukren, fil-verità, il-prospetti ta’ ftehim ta’ paċi bejn ir-Russja u l-Ukrajna, għadhom fqar.
Il-Gwerra fl-Ukrajna bdiet fi Frar tal-2022. Fiha aktar minn 700,000 suldati u nies inqatlu jew sfaw midruba. Skont l-Istati Uniti dan l-ammont ilaħħaq għal aktar minn 800,000 b’madwar 198,000 fatalitajiet u aktar minn 550,000 feruti. Minn estimi tal-OHCHR bejn 14,200 u 14,400 Ukreni, fosthom nies ċivili u uffiċjali tal-militar, tilfu ħajjithom kawża ta’ din il-gwerra. Dan huwa l-akbar prezz qares ta’ gwerra.
L-Ukreni: “Lesti ninnegozzjaw…
Basta b’garanziji ta’ sigurtà”
“Jekk mhux huma min? Żewġi ma ħasibhiex darbtejn biex jarwola ruħu u ibni mar għax ħa l-eżempju ta’ missieru”. Qalet dan imbikkma Yevheniya Puzkiova f’ċentru tat-terapiji mmexxi minn TAPS, organizzazzjoni mwaqqfa fl-Istati Uniti biex tagħti sostenn lill-familji ta’ suldati maqtula fil-gwerra. Hija tilfet lil żewġha Oleksandr u lill-binha l-kbir Oleksiy fil-ġlied kontra r-Russi.
L-Ukrajna ilha tiġġielled dawn is-snin għas-sopravvivenza tagħha. Hija nazzjon imkisser f’missjoni fatali. Bħalma qiegħda tkun fatali għal eluf ta’ suldati u nies ċivili. Determinati sal-mewt, ħafna suldati Ukreni jisħqu li l-ġlieda tagħhom hija ġustifikata għal art twelidhom.
Min-naħa tagħha din il-mara u omm stqarret li llum il-ġurnata taqbel li jsiru negozjati mar-Russja għall-waqfien mill-ġlied “basta jkun hemm garanziji ta’ sigurtà għan-nies tagħna. Billi niffriżaw il-fruntiera m’aħna se naslu mkien. Dan għax fi ftit snin oħra, ir-Russja terġa’ tinvadina”.
Dan is-sentiment negattiv qiegħed jinfirex sew fost il-poplu Ukren iżda mhux biss. Il-gvern tal-Ukrajna wkoll. Il-mexxejja tal-pajjiż ukoll qalu li lesti għal ftehim ta’ waqfien mill-ġlied bil-patt u l-kundizzjoni li jkun hemm garanziji ta’ sigurtà bħal pereżempju li jkunu stazzjonati suldati għaż-żamma tal-paċi Ewropej fl-Ukrajna stess jew inkella li jissieħbu man-NATO.
Zelensky jonqos fil-popolarità man-nies tiegħu
Is-sitwazzjoni fl-Ukrajna fil-fatt mhiex waħda sabiħa. Din hija esperjenza, jew aħjar trawma, li wieħed irid jgħixha biex verament ikun jaf xi ssarraf. Il-pajjiż huwa mkisser kompletament u ċ-ċittadini tilfu l-għeżież tagħhom fuq il-kamp tal-battalja bħalma ġralha Yevheniya Puzkiova. L-Ukreni tilfu wkoll djarhom u tilfu dik il-ħajja li kienu jgawdu qabel faqqgħet il-gwerra kontra r-Russja. L-Ukreni, wara tliet snin, qegħdin iħossu bil-kbir il-piż ta’ dan il-konflitt. Konsegwenza ta’ dan, il-popolarità u s-sapport lejn il-President Ukren Zelensky naqsu sewwa.
Dan huwa kkonfermat minn stħarriġ riċenti tal-Istitut Internazzjonali tas-Soċjoloġija ta’ Kyiv (KIIS) fejn irriżulta li l-approvazzjoni ta’ Zelensky, l-eks komiku mqabbel ma’ Winston Churchill, f’Diċembru tas-sena l-oħra niżlet għal 52%. Ikkomparat ma’ 90% f’Marzu tal-2022, ftit ġimgħat wara li r-Russja beda bl-invażjoni tiegħu, huwa daqqa ta’ ħarta għall-mexxej Ukren. Dan in-nuqqas ta’ approvazzjoni lejn Zelensky ġie proprju fi żmien kritiku li fih dan il-mexxej Ukren qiegħed ikompli jitlob għal aktar fondi u għal aktar appoġġ mill-pajjiżi esterni.
Zelensky li t-terminu ta’ ħames snin tiegħu fit-tmun tal-Ukrajna għalaq is-sena l-oħra, jidher li se jżomm postu anke f’din ir-raba’ sena ta’ gwerra kontra r-Russja. Iżda, jekk l-elettorat ikompli jitlef il-fiduċja fih, jista’ jkun li s-sitwazzjoni tinbidel mil-lejl għan-nhar.
41 pajjiż jgħinu lill-Ukrajna…
Inkluż fornimenti ta’ armi
Minkejja li r-Russja sfat ikkritikata għall-invażjoni tagħha fl-Ukrajna u ġew imposti anke diversi sanzjonijiet fuq il-pajjjiż bħala deterrent, Putin baqa’ u jidher li se jibqa’ deċiż li b’mod partikolari, ma jċedix il-punt tiegħu li ma jkunx hemm bażijiet militari mal-konfini ta’ pajjiżu. L-insistenza tiegħu u l-insistenza opposta tal-mexxej Ukren f’dawn it-tliet snin kissru kull attentat ta’ diskussjonijiet ta’ paċi. Trump preżentement għaddej b’diskussjonijiet mal-partijiet iżda minn dak li ppropona issa, jiġifieri li l-art okkupata mir-Russi tibqa’ tar-Russja, m’hemmx qbil. Anzi, pjuttost hemm oppożizzjoni kbira.
Bla dubju, l-akbar prezz qares huwa dak soffert mill-poplu Ukreni iżda pajjiżi oħra, inkluż l-Unjoni Ewropea, ħallsu u qegħdin iħallsu prezz qares huma wkoll. Dan kemm mil-lat ta’ instabbiltà ekonomika internazzjonali kkawżata mill-istess gwerra fl-Ukrajna, instabbiltajiet fir-relazzjonijiet diplomatiċi, kif ukoll hemm il-prezz bil-biljuni ta’ ewro mħallsa f’għajnuna lill-Ukrajna biex tirreżisti lill-forzi Russi.
Skont estimi l-Gwerra mal-Ukrajna qiegħda tiswa lir-Russja bejn $500 miljun sa biljun kuljum. Min-naħa l-oħra, f’dan il-kunflitt l-Ukrajna, bi “tkarrib” mill-President Zelensky, kellha u għad għandna l-appoġġ u ngħatat għajnuna militari, finanzjarja u umanitarja minn 41 pajjiżi differenti. B’mod speċifiku dawn il-pajjiżi huma l-Istati Uniti taħt l-amministrazzjoni ta’ Joe Biden, l-istati membri tal-Unjoni Ewropea, membri oħra tal-G7, kif ukoll l-Awstralja, il-Korea t’Isfel, it-Turkija, in-Norveġja, New Zealand, l-Isvizzera, iċ-Ċina, it-Tajwan, l-Indja u l-Iżlanda.
L-għajnuna lill-Ukrajna f’din il-gwerra kontra potenza militari b’saħħitha bħalma hija r-Russja tista’ tgħid bdiet mill-bidunett. Minn mindu bdiet din il-gwerra fil-kontinent tagħna sa Marzu 2024 il-maġġoranza tal-mexxejja tal-Punent wegħdu aktar minn $380 biljun f’għajnuna lill-Ukranja. Dawn jinkludu kważi $118 biljun f’għajnuna militari minn pajjiżi individwali. Min-naħa tiegħu l-Parlament Ewropew insista biex jgħin lill-Ukrajna “ħalli jżomm is-sigurtà fil-kontinent”. Dan minħabba biża’ li Putin ikompli jespandi l-invażjoni tiegħu fuq pajjiżi ġara tal-Ukrajna, biża’ li l-mexxej Russu insista li “hija bla bażi” għax qatt ma kienet l-intenzjoni tiegħu li jinvadi pajjiżi oħra.
L-akbar “benefatturi”:
L-Istati Uniti, ir-Renju Unit, il-Ġermanja u l-UE
Meta wieħed iħares lejn din l-għajnuna lill-Ukrajna, l-Istati Uniti waħdu taħt l-amministrazzjoni ta’ Joe Biden, għadda xejn inqas minn $65.9 biljuni. Wara l-Istati Uniti, l-akbar “benefatturi” jirriżulta li huma r-Renju Unit, il-Ġermanja u l-Unjoni Ewropea. Minn riċerka ppubblikata mil-Librerija tal-House of Commons, irriżulta li r-Renju Unit wiegħed €15.4 biljuni f’sostenn lill-Ukrajna li €9.37 biljuni minnhom f’assistenza militari. Dawn jinkludu €3.61 biljuni f’assistenza militari għas-snin 2024 u 2025. Fil-każ tal-Unjoni Ewropea, li pprovdiet ukoll armi u taħriġ militari lill-Ukrajna, sal-ġurnata tal-lum ikkommettiet ruħha li tgħaddi fond militari EPF lill-Ukrajna b’valur ta’ €11.1 biljuni.
Barra minnhekk, il-pajjiżi membri tal-G7 u l-istati membri tal-UE riċentement ftiehmu li l-profitti derivati mis-sanzjonijiet impost minn assi Russi miżmuma fil-ġurisdizzjonijiet rispettivi tagħhom, ukoll jintużaw għal assistenza militari għall-Ukrajna.
Ta’ min jinnota li dan l-ammont kbir ta’ flus sparpaljati fi gwerra li ġġib biss imwiet magħha, huwa verament ħasra. Flus li qegħdin jintużaw kontra l-ħajja u mhux favur il-ħajja. Dan meta nafu li kemm fir-Russja, fl-Istati Uniti, fl-Unjoni Ewropea u f’ħafna pajjiżi oħra fid-dinja, hemm nies foqra bla saqaf fuq rashom u bla platt sħun x’jieklu. Fil-fatt, il-gvern tar-Renju Unit riċentement kien ikkritikat ferm kemm miċ-ċittadini, kif ukoll mill-President Trump, talli “jippreferi” jagħti l-miljuni ta’ ewro lill-Ukrajna minflok jgħin liċ-ċittadini tiegħu stess li “jinsabu msallba” finanzjarjament.
Trump f’diskussjonijiet li s’issa ma ħallewx frott
… Il-pjan ta’ paċi propost minnu falla?
Trump, li kien wiegħed li ladarba fil-Kamra Ovali se jtemm il-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna f’24 siegħa, ma wasalx biex iżomm kelmtu. Fl-ewwel ġimgħa li sar b’mod uffiċjali President, wara laqgħat li kellu maż-żewġ mexxejja inkwistjoni, ammetta li s-sitwazzjoni hija aktar ikkomplikata milli ħaseb.
Barra minnhekk, minkejja li Trump kien qal ukoll li mhuwiex se jkompli jgħaddi aktar “flus tal-Amerikani” f’fondi ta’ għajnuna lil Zelensky, issa jidher li l-affarijiet inbidlu. Dan wara mossa ċara ta’ interess finanzjarju li għandu Trump fir-riżorsi tal-Ukrajna fejn talab li biex l-Istati Uniti tkompli tgħinhom, l-Ukrajna trid “tagħti aċċess speċjali lill-Istati Uniti għar-riżorsi naturali tagħha”.
Tajjeb li nfakkru li l-forniment ta’ armi minn pajjiżi esterni mill-konflitt bħall-Istati Uniti, ir-Renju Unit, Franza u mill-UE f’dawn is-snin, urtaw bil-kbir il-qawwa Russa. Kien proprju dan l-element li instiga aktar il-gwerra u wassal biex Putin jhedded li jirritalja bl-aħrax fil-konfront ta’ dawk il-pajjiżi li “qegħdin jindaħlu”.
Periklu ta’ eskalazzjoni ta’ gwerra nukleari
… Il-firda baqgħet tiżdied
Fil-fatt kien il-permess ta’ użu ta’ missili mhux Ukreni wżati fuq art Russa lejn l-aħħar tas-sena l-oħra, li wassal biex id-dinja daħlet f’periklu reali ta’ eskalazzjoni serja u gwerra nukleari. Preżentament ir-Russja kompliet terbaħ territorju Ukren, il-poplu Ukren qiegħed jgħejja, Trump b’mod kontradittorju filli jara l-interess tal-Istati Uniti filli jipprova jagħmilha ta’ intermedjarju u pajjiżi oħra għadhom jgħaddu għajnuna militari, lill-Ukrajna. Dan ma jawgura xejn tajjeb għall-prospetti ta’ paċi. Anzi, l-firda għadha hemm u qiegħda tiżdied.
Biżżejjed wieħed kif f’dawn is-snin fuq naħa għandek l-Ukrajna sostnuta mill-Punent u fuq naħa oħra l-Korea ta’ Fuq saret alleata tar-Russja fejn saħansitra bagħtet is-suldati tagħha jiġġieldu spalla ma’ spalla mar-Russi. Hemm ukoll il-“ħbiberiji” strateġiċi fi żmien dan il-konflitt li Putin għamel kemm maċ-Ċina, kif ukoll ma’ xi pajjiżi Afrikani.
Mossa strateġika… Fortunatament l-irjus baqgħu kalmi
L-Unjoni Ewropea ħadet pożizzjoni ċara dwar din il-gwerra. Għamlitha ċara li tikkundanna lir-Russja u tappoġġja lill-Ukrajna. Fil-fatt l-għajnuna mill-Blokk li aħna membri tiegħu lill-poplu Ukren ma waqfitx u se tkompli. Is-sostenn mill-pajjiżi fl-Ewropa rajnih ukoll mill-pass meħud mit-tliet pajjiżi Baltiċi – l-Estonja, il-Latvja u l-Litwanja fejn waslu biex qatgħu s-sistemi tal-elettriku tagħhom minn mar-Russja. Minflok, dawn ingħaqdu mal-grid tal-enerġija Ewropew bl-iskop li jintegraw aktar mal-UE u minn kliem il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen, biex dawn it-tliet pajjiżi “jiksbu libertà mit-theddid Russu”.
Il-forniment ta’ elettriku mir-Russja fit-tliet pajjiżi inkwistjoni, li kienu kisbu l-indipendenza tagħhom wara l-waqgħa tal-Unjoni Sovjetika, kien l-aħħar “rabta” li kien hemm bejnhom u bejn ir-Russja. Din il-mossa hija wkoll turija ta’ sostenn lill-Ukrajna. Ma setax jonqos li din il-mossa kompliet turta lir-Russja. Fortunatament u s’issa, l-irjus baqgħu kalmi.
Huwa minnu li Trump f’24 siegħa ma waqqafx din il-gwerra u se nidħlu fir-raba’ sena tagħha, iżda b’kuntrast ma’ Biden, Trump irid li b’xi mod u malajr kemm jista’ jkun jintlaħaq ftehim ta’ paċi bejn l-Ukrajna u r-Russja. Kif u meta dan il-għan jintlaħaq għadna ma nafux. Però, wieħed jittama li b’xi mod naslu. Għandu jsir pjan ta’ paċi ġust u aċċettat miż-żewġ naħat.
Finalment, huwa importanti li b’mod speċjali wara l-esperjenzi koroh tal-Ewwel u t-Tieni Gwerra Dinjija u issa din fl-Ukrajna, il-bniedem iwaqqaf it-tixrid tad-demm tal-innoċenti. Fid-dinja tal-lum u l-era globalizzata li ngħixu fiha, tista’ tgħid li sirna dinja waħda. Li hemm bżonn huwa rispett reċiproku lejn is-sovranità u l-konfini ta’ kull pajjiż. Dan għax, fl-aħħar mill-aħħar, mill-gwerer ħadd m’hu se joħroġ rebbieħ għajr l-industrija tal-armamenti.