Tuesday, August 12, 2025

‘Il-weightlifting huwa sport li mhux biss jagħtik saħħa fiżika, iżda jsaħħaħ ukoll il-karattru tiegħek’ – Aaliyah Gatt

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif għażilt il-weightlifting fost tant sport ieħor?

Qabel il-weightlifting kont nagħmel il-gymnastics u xtaqt li nipprova sport differenti. Kelli l-akbar ħabiba tiegħi li kienet bdiet il-weightlifting ftit qabli u ħajjritni li nipprovah. Minn hemm tassew għoġobni u ddeċidejt li nkompli nipprattikah.

Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. X’tikkummenta fuq l-aħħar kompetizzjoni li ħadt sehem fiha s-Sibt li għadda?

Għamilt 6 minn 6, bi snatch ta’ 67kg u clean and jerk ta’ 90kg. L-għan tiegħi kien li ntejjeb il-prestazzjoni tiegħi mill-aħħar kompetizzjoni, u għamilt preċiżament hekk, u b’hekk jien pjuttost sodisfatta bir-riżultat.

U l-kompetizzjoni ta’ qabel, jiġifieri dik tal-European Youth Championships f’Madrid fi Spanja?

Iva, fil-fatt erfajt 66kg fis-snatch u 85kg fil-clean and jerk. Għalkemm ma kinitx l-aqwa wirja tiegħi, kienet esperjenza oħra ta’ tagħlim għalija, u ninsab grata għal din l-esperjenza!

Barra minn dan, x’unuri prinċipali oħra rbaħt fil-karriera tiegħek fil-weightlifting?

F’ Novembru tas-sena l-oħra (2024), irbaħt it-titlu ta’ Champion Nazzjonali fil-kategorija ta’ taħt l-64 kilo, fl-Under 17, Under 20 u senior. Irbaħt il-Bronze award fl-aħħar tas-sena u ġejt l-ewwel fl-Under 17 f’kompetizzjoni ‘Soroksar Cup’  li kellna f’April tal-2025 ġewwa Budapest.

X’differenza tgħaddi bejn il-weightlifting u l-powerlifting?

F’kompetizzjonijiet tal-weightlifting, ir-refgħat huma distinti minn dawk tal-powerlifting. L-atleti fil-weightlifting jippruvaw jagħmlu tliet attentati fuq l-Isnatch u oħrajn tlieta fuq il-Clean and Jerk. Min-naħa l-oħra, fil-powerlifting l-atleti jipparteċipaw f’tliet attentati fuq kull waħda minn dawn it-tliet refgħat: Back Squat, Deadlift u Bench Press.

Weightlifters Maltin jieħdu sehem regolarment f’kompetizzjonijiet importanti tal-weightlifting madwar id-dinja?

Iva, għandna diversi atleti li jikkompetu internazzjonalment matul is-sena u anke jirbħu l-medalji, f’kompetizzjonijiet importanti bħal m’huma l-World Championships, European Championships, Commonwealth Championships u bosta kompetizzjonijiet oħra.

X’tikkummenta fuq il-president tal-Malta Weightlifting Association (MWA), Jesmond Caruana?

Il-president tal-Malta Weightlifting Association, Jesmond Caruana huwa raġel tassew dedikat f’xogħlu. Jaħdem ħafna sabiex l-assoċjazzjoni tkun immexxija bl-aħjar mod possibbli u jagħmel ħafna sagrifiċċji għalina l-atleti biex nimxu l-quddiem u navvanzaw fil-weightlifting. Jesmond għandu wkoll parti importanti fil-European Weightlifting Federation (EWF) bħala l-viċi president.

X’għajnuna finanzjarja ssibu minn SportMalta u mill-Kumitat Olimpiku Malti?

L-appoġġ finanzjarju li nirċievu mill-Kumitat Olimpiku Malti jinkludi servizzi ta’ fisioterapija bla ħlas kif ukoll testijiet fil-Functional Diagnostic Lab (FDL). Minn naħa l-oħra, SportMalta tassistina billi tipprovdi fondi biex inkunu nistgħu nipparteċipaw f’kompetizzjonijiet barra minn Malta.

Il-weightlifting kif jgħin lill-atleta li jkun qed tipprattikkah mentalment u psikoloġikament? Ċert li dan l-isport jgħollilek l-istima personali kif ukoll il-kunfidenza fik innifsek.

Il-weightlifting jgħin lill-atleta tikber mentalment u psikoloġikament, billi jsaħħaħ il-fiduċja tagħha nnifisha. Tħoss sens ta’ sodisfazzjon u kburija meta tikkompeti barra minn Malta u tirrappreżenta lill-pajjiż, u l-esperjenza li tkun fuq l-istage tal-kompetizzjoni tagħtiha aktar kuraġġ u kunfidenza.

Il-kompetizzjomijiet tagħkom kif jintrebħu? Naf li jkun hemm ġurija li tiġġudika hi r-rebħ ta’ dawn il-kopetizzjonijiet. Imma din fuqhiex tgħaddi l-gudizzji tagħha?

Il-kompetizzjonijiet jistgħu jintrebħu jew skont il-kategorija tal-piż, fejn min jerfa’ l-aktar piż b’teknika korretta (magħrufa bħala ‘good lift’) jirbaħ, jew inkella permezz ta’ sistema ta’ punti. Din is-sistema tikkalkula total ibbażat fuq il-piż li tkun erfajt u l-piż tal-atleta stess, u min jiġbor l-iktar punti jkun ir-rebbieħ. Il-ġurija tkun inkarigata li tiddeċiedi jekk refgħa kinitx valida jew le, u tara li ma jsirux żbalji bħall-press out, li l-atleta ma niżżilx il-bar qabel jingħata s-sinjal mit-referees, jew li ma jibdiex ir-refgħa wara li jgħaddi l-ħin.

Naf ukoll li qabel il-kompetizzjonijiet li fihom tkunu nvoluti fil-weightlifting, ma tieklu u tixorbu kważi xejn fejn kważi tiġu dehydrated. Huwa minnu dan?

Dan mhux veru, għax id-dieta tkun organizzata u ppjanata b’attenzjoni minn qabel. Huwa essenzjali tibqa’ tixrob biżżejjed ilma, għax jekk le tista’ tispiċċa dehydrated, li jista’ jwassal biex tħossok dgħajfa jew anke tistordi waqt il-kompetizzjoni.

Hemm biżżejjed interess minn persuni żgħażagħfil-weightlifting?

F’Malta hemm diversi atleti żgħażagħ li diġà jipprattikaw il-weightlifting, iżda nemmen li xorta hemm lok għal aktar parteċipazzjoni, speċjalment fost iż-żgħażagħ. Huwa ta’ vantaġġ li wieħed jibda minn età żgħira, għax b’hekk jista’ jitgħallem it-teknika kif suppost minn kmieni u jimxi ’l quddiem b’mod aktar effettiv.

It-taħriġ tagħkom fil-weightlifting fhiex jikkonsisti u jagħmel differenza t-taħriġ tal-irġiel meta kkumpartat ma’ dak tan-nisa?

It-taħriġ tagħna jinvolvi refgħat Olimpiċi flimkien ma’ eżerċizzji li jgħinu biex jissaħħu dawn ir-refgħat. Kultant nagħmlu piżijiet iżgħar b’aktar repetizzjonijiet, u f’ħinijiet oħra piżijiet itqal b’inqas repetizzjonijiet. It-taħriġ tal-irġiel u tan-nisa huwa simili, iżda jkun personalizzat skont il-kapaċità tal-atleta u l-piż li jista’ jerfa’ jew terfa’.

Il-media tal-isport f’pajjiżna ttikom biżżejjed exposure u pubbliċità?

Il-media sportiva f’Malta tagħtina pjuttost ammont tajjeb ta’ exposure u pubbliċità, imma nemmen li jkun ta’ benefiċċju jekk ikollna aktar viżibilità. Dan jgħin biex il-weightlifting isir aktar magħruf u popolari fil-pajjiż, u jħeġġeġ aktar nies biex jidħlu għalih.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-weightlifting?

Nara l-futur tiegħi fil-weightlifting billi nistabbilixxi miri u għanijiet għal fejn nixtieq nasal fl-isport, nkompli nimxi ‘l quddiem, u nagħmel  is-suċċessi, għax dejjem għandu jkun hemm determinazzjoni biex tkompli tipprova u ma taqtax qalbek.

Għaddi messaġġ finali lil dawk it-tfal u / jew żgħażagħ speċjalment bniet u / jew tfajliet li qegħdin jaħsbu biex jibdew jipprattikaw il-weightlifting f’ħajjithom.

Il-weightlifting huwa sport li mhux biss jagħtik saħħa fiżika, iżda jsaħħaħ ukoll il-karattru tiegħek. Għal bniet u tfajliet, huwa opportunità kbira biex tissaħħaħ u titgħallem li m’hemmx limitu għal dak li tista’ tasal għalih. Titgħallem, tkompli tħobb l-isport, u żżomm f’moħħok li m’għandek taqta’ qalbek qatt għaliex kull pass ‘il quddiem huwa suċċess!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport