Wednesday, December 25, 2024

Il-WHO: “L-imwiet fl-Ewropa sa ħames darbiet aktar sa Jannar jekk ir-restrizzjonijiet jiġu rilassati”

Aqra wkoll

L-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa (WHO) qed twissi li r-rata tal-imwiet fl-Ewropa f’Jannar kaġun tal-Covid-19 jaf tkun erbgħa jew ħames darbiet aktar minn dik ta’ April li għadda jekk ir-restrizzjonijiet kontra l-coronavirus jiġu rilassati.

Il-WHO kompliet tistma li aktar minn 280,000 ħajja jistgħu jiġu salvati fil-kontinent sa Frar li ġej jekk 95% tan-nies tilbes maskra protettiva, u l-awtoritajiet japplikaw kontrolli stretti fuq attivitajiet soċjali.

Din it-twissija għamila Dr Hans Kluge, il-kap tal-fergħa Ewropea tal-WHO. Fl-aħħar aġġornament li ta onlajn huwa qal li l-miżuri restrittivi li qed jittieħdu f’numru ta’ pajjiżi huma “assolutament neċessarji” meta wieħed iqis iż-żieda sinjifikanti fil-każi tal-coronavirus.

Huwa kompla jwissi li passi aktar drastiċi jistgħu jittieħdu jekk il-pandemija ma tiġix ikkontrollata, u talab lill-pajjiżi biex ma jagħmlux kompromessi fl-isforzi tagħhom biex jikkontrollaw il-virus.

Il-WHO kompliet tgħid li ż-żieda fil-każi li qed jiġu rapportati kuljum qed tkun riflessa f’aktar pazjenti jiddaħħlu l-isptarijiet għall-kura.

Fl-istess waqt filwaqt li l-każi rapportati kuljum huma darbtejn jew tliet darbiet aktar minn dak rapportat f’April, in-numru tal-imwiet huwa ħames darbiet inqas. Il-WHO qed tattribwixxi dan għal aktar swab tests li qed isiru, u kif ukoll li hemm numru akbar ta’ każi fost nies żgħar fl-età u dawk mhux vulnerabbli.

Minkejja l-gravità tas-sitwazzjoni il-WHO mhijiex tirrakkomanda li l-pajjiżi jintroduċu lockdowns l-istess bħalma ġara f’Marzu li għadda minħabba li dan ma kienx sostenibbli, bi Kluge jgħid li l-ħsara li saret lin-nies kienet kbira wisq.

Huwa żied jgħid li għandu jsir minn kollox biex l-iskejjel jibqgħu miftuħin.

Ekonomija

Sport