L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa qalet li l-imxija tal-monkeypox tista’ tiġi mrażżna f’pajjiżi li huma barra mill-kontinent Afrikan, iż-żona fejn ta’ kull sena jkun hemm numru ta’ każijiet irrapportati.
S’issa kien hemm iktar minn 100 każ ta’ monkeypox li ġew ikkonfermati ġewwa l-Ewropa, il-kontinent Amerikan u anke l-Awstralja. Is-sintomi ta’ dan il-virus huma rash u deni. L-esperti qed jistennew li dawn in-numri jiżdiedu iżda mhux b’tali mod li dan jikkawża infezzjonijiet fuq firxa kbira ta’ nies. Ta’ min jgħid li dan mhuwiex xi virus ġdid, tant li dan huwa tista’ tgħid komuni partijiet fiċ-Ċentru u l-Punent tal-Afrika.
Maria Van Kerkhove, li hija uffiċjal tal-WHO, f’konferenza tal-aħbarijiet li tat fl-aħħar sigħat qalet li, “din hija sitwazzjoni li tista’ tiġi kkontrollata.” Hija tenniet li, “irridu nwaqqfu t-trażmissjoni u dan nistgħu nagħmluh f’pajjiżi mhux endemiċi” jiġifieri f’pajjiżi fejn mhux is-soltu li jinstab dan il-virus.
Minkejja li dan il-virus s’issa nstab f’16-il pajjiż barra l-Afrika, l-esperti qed jgħidu li dan ma jinfirixx b’mod faċli bħalma jagħmel eżempju il-Covid-19. Huma qalu li dan jinfirexx b’kuntatt mal-ġilda ta’ persuna infettata.
L-esperti żiedu jgħidu li ma hemm l-ebda evidenza li kien hemm xi mutazzjoni f’dan il-virus, kif kienu qed jispekulaw bosta. S’issa jidher li dawk infettati qed ikollhom biss sintomi ħfief.