Saturday, November 23, 2024

Il-WHO twissi li jista’ jkun hemm mewġa oħra ta’ mwiet jekk il-pajjiżi jgħaġġlu biex ineħħu l-lockdowns

Aqra wkoll

Minn CARMEN CACHIA

Minn twissjijiet ta’ tieni mewġa ta’ infezzjonijiet għal protesti u pressjoni fuq il-gvernijiet lokali biex irażżnu l-miżuri u l-lockdowns li saru biex ikun ikkontrollat it-tixrid tal-Covid-19, is-sitwazzjoni dinjija minħabba din il-pandemija għandha waħda instabbli. Li huwa żgur hu li l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) issa rat is-serjetà tas-sitwazzjoni tant li l-kap tal-organizzazzjoni, Tedros Ghebreyesus, wissa li jekk se jitneħħew minn kmieni ċerti miżuri ta’ prekawzjoni, hemm il-periklu li terġa’ tfeġġ it-tifqigħa bil-konsegwenza li jkun hemm aktar imwiet. Huwa saħaq ukoll li d-dinja għandha tipprepara ruħha għat-tieni u anke t-tielet mewġa tal-pandemija sakemm ikun hemm tilqima kontriha.

Ghebreyesus qal li jekk il-gvernijiet u l-popli ma joqogħdux attenti u jgħaġġlu fil-passi tagħhom, in-“niżla” tal-ewwel mewġa ta’ Coronavirus tista’ tħalli l-istess numru ta’ persuni mejta bħalma kien hemm fil-perjodu tal-quċċata tal-pandemija. Il-kap tal-WHO saħaq fuq l-importanza li l-miżura tas-social distance tibqa’ fis-seħħ minħabba li jekk in-nies jerġgħu jibdew jitħalltu f’daqqa, jerġa’ jibda jinxtered il-virus li għalih la hemm kura u lanqas tilqima. 

F’konferenza tal-aħbarijiet, Tedros qal li huwa konxju li diġà hemm għadd ta’ pajjiżi li bdew jerħu xi miżuri tal-lockdown, però ma semmiex pajjiżi spefiċi. L-intervent tiegħu però, sar eżattament wara li għadd ta’ pajjiżi Ewropej fosthom l-Awstrija, id-Danimarka u r-Repubblika Ċeka ħabbru li għandhom pjanjiet imfassla biex inaqqsu r-restrizzjonijiet fil-pajjiżi rispettivi tagħhom.

F’diskors riċenti li kellu Dr Hans Kluge, li jmexxi l-WHO fl-Ewropa, qal li l-Ewropa għadha pjuttost taħt il-morsa tal-Coronavirus u dan minkejja li jidher li għaddew il-quċċata ta’ din il-pandemija. “Il-Covid-19 mhux se jitlaq mil-lum għal għada u lanqas fil-futur qarib. Dan il-virus jinfirex malajr u rajna l-aqwa sistemi tas-saħħa jbatu biex ilaħqu mal-pazjenti. L-akbar lezzjoni li għadna nieħdu f’dan l-istadju huwa li l-qasam tas-saħħa għandu jkun fuqnett tal-aġenda politika,” saħaq Kluge. Huwa qal li s-saħħa hija t-tmun tal-ekonomija u issa nafu li mingħajr saħħa m’hemmx ekonomija u lanqas sigurtà nazzjonali.

Il-Ġermanja se kollha tmur lura wara li reġgħu żdiedu l-infezzjonijiet

Pass wieħed mgħaġġel ‘il quddiem jista’ jsarraf f’mijja lura hekk kif forsi ġara fil-Ġermanja. Dan il-pajjiż kien qiegħed bil-mod inaqqas il-miżuri ta’ prekawzjoni għall-Coronavirus wara li rnexxielu jikkontrolla ferm aħjar mill-pajjiżi ġara tiegħu t-tifqigħa u permezz ta’ politika agressiva ta’ ttestjar fuq skala nazzjonali. Ġara però, li n-numru ta’ infezzjonijiet bil-Covid-19 reġa’ żdied f’daqqa fejn f’xi ġranet qiegħed jerġgħu jaraw mal-1,000 każijiet ġodda kuljum. 

Il-Ġermanja kienet diġà qiegħda tipprepara għat-tieni mewġa tal-virus iżda hekk kif in-numri qegħdin jerġgħu jitilgħu, il-Kanċillier Angela Merkel wissiet li jekk dawn ma jonqsux, jew agħar jiżdiedu, hemm il-periklu li s-sistema tas-saħħa lokali ma tibdiex tlaħħaq.

Il-Covid-19 mhux se jitlaq mil-lum għal għada u lanqas fil-futur qarib

Dr Hans Kluge

“Jekk naslu f’punt li fih kull pazjent jinfetta 1.1 persuni, sa Ottubru se nilħqu l-limitu li tiflaħ is-sistema tas-saħħa tagħna u dan fejn jidħlu b’mod partikolari s-sodod fil-qasam tal-kura intensiva,” spjegat Merkel. “Jekk nilħqu 1.2  sa Lulju li ġej, imbagħad inkunu mlejna s-sodod kollha”.

Hija ħeġġet lill-poplu Ġermaniż biex ikun ddixxiplinat bil-għan li flimkien jerbħu l-pandemija, li fi kliema stesss, “għadha fil-bidu tagħha”. Merkel hija inkwetata li l-Ġermaniżi mhumiex jieħdu ħsieb li jżommu d-distanza bejniethom wara li ftit tal-ġranet ilu, l-awtoritajiet lokali qablu li jerġgħu jinfetħu xi ħwienet. L-iskejjel fil-Ġermanja reġgħu fetħu wkoll, iżda l-istudenti mhumiex imorru l-iskola kuljum.

Ir-Renju Unit jista’ jkollu sa 100,000 imwiet jekk ineħħi l-lockdown

Il-Professur Neil Ferguson wissa li se jkun impossibbli li jerġgħu jintbagħtu n-nies lura x-xogħol mingħajr ma jkun hemm żieda kbira fin-numru tal-imwiet. L-epidemjologu mill-Kulleġġ Imperjali insista li l-iżolament soċjali għandu jibqa’ fis-seħħ sakemm tinstab tilqima li tipproteġina mill-Coronavirus. 

F’intervista huwa qal li biex din l-istrateġija taħdem hemm bżonn ta’ livell għoli ta’ protezzjoni kontra l-marda li bħalissa fil-verità m’għandniex u jekk il-perċentwal ta’ protezzjoni jkun ta’ 80%, xorta waħda jbassar li jkun hemm aktar minn 100,000 imwiet din is-sena fir-Renju Unit biss, mill-Covid-19.

“Il-persuni li l-aktar huma vulnerabbli huma l-istess nies li l-aktar li għandhom bżonn kura u l-aktar li jkollhom interazzjoni mas-sistema tas-saħħa bil-konsegwenza li huma l-inqas nies li verament jistgħu jkunu maqgħtuha kompletament għalihom,” spjega Ferguson.

Dan il-professor huwa wieħed mill-konsulenti tal-Gvern Ingliż dwar x’miżuri hemm bżonn li jittieħdu biex jikkontrollaw it-tifqigħa tal-Coronavirus. Ir-Renju Unit ilu b’lockdown mill-24 ta’ Marzu iżda issa għadd ta’ pajjiżi Ewropej qegħdin jibdew ineħħu xi miżuri. Minkejja dan, huwa rrapportat li l-Ministri Ingliżi ma tantx huma favorevoli li jnaqqsu ħafna l-prekawzjonijiet meħuda minħabba li n-numri tal-każijiet għadu pjuttost għoli u m’għandhomx ħażna biżżejjed ta’ lbies protettiv fl-eventwalità li tiġi t-tieni mewġa tal-pandemija qerrieda.

Se jkun impossibbli li jerġgħu jintbagħtu n-nies lura x-xogħol mingħajr ma jkun hemm żieda kbira fin-numru tal-imwiet

Il-Professur Ferguson

Sadanittant, professur ieħor mill-Kulleġġ Imperjali – Robin Shattock – wissa li t-tieni mewġa tal-Covid-19 wisq probabbli tolqot lir-Renju Unit proprju fl-istess żmien tal-influwenza staġjonali f’Settembru li ġej. Dan ix-xjenzat qal li l-periklu se jiżdied minħabba li sa dak iż-żmien, ħafna mill-miżuri tal-lockdown jista’ jkun li jkunu tneħħew.

F’intervista ma’ “The Times” Shattock, li qiegħed jaħdem fuq il-produzzjoni ta’ tilqima kontra l-Coronavirus, qal li, “il-vera periklu serju huwa jekk ikollna l-istess numru ta’ każi tal-Covid-19 li għandna bħalissa fix-xitwa li ġejja meta jkollna wkoll l-influwenza, dawn it-tnejn f’daqqa jistgħu jirduppjaw il-pressjoni fuq is-servizzi tas-saħħa tagħna”.

Minkejja dan, huwa qal li l-professjonisti fil-qasam tas-saħħa għadhom qegħdin jitgħallmu dwar il-Covid-19 u għadhom ma jafux jekk dan huwiex se jerġa’ jitfaċċa x-xitwa li ġejja. It-total uffiċjali tal-imwiet fir-Renju Unit, li jinkludi l-vittmi li mietu fid-djar u f’postijiet barra mill-isptarijiet, issa laħaq is-28,734. Din hija żieda ta’ aktar minn 4,000 każ wara li sa ftit tal-ġranet ilu n-numru tal-mejta kien biss jinkludi l-pazjenti fl-isptarijiet tal-pajjiż. Dawn il-figuri jindikaw li terz tal-persuni li tilfu ħajjithom tul din il-pandemija kienu jgħixu fi djar tal-anzjani.

Minn mindu bdiet it-tifqigħa tal-Coronavirus f’Diċembru li għada, ir-riċerkaturi assoċjaw lil din il-marda qattiela mal-pandemija tal-Influwenza Spanjola tal-1918 fejn huwa stmat li qatlet madwar 50 miljun persuna, l-aktar imwiet iseħħu fit-tieni mewġa tal-istess pandemija.

Pajjiżi Ewropej li naqqsu l-miżuri…

Għadd ta’ pajjizi fl-Ewropa qegħdin inaqqsu l-miżuri ta’ prekawzjoni u dan qiegħed isir b’mod individwali u kif kulħadd jaħseb li huwa l-aħjar għalih. Malta mill-bidu ta’ din il-ġimgħa wkoll bdiet tnaqqas ftit mill-miżuri iżda b’mod limitat, studjat u bil-prekawzjonijiet kollha kif indikati mill-awtoritajiet tas-saħħa lokali.

Fl-Isvezja min-naħa l-oħra rapporti fil-midja lokali juru n-nies jidhru rilassati għall-aħħar fil-kafes mentri fi Spanja ċ-ċittadini bil-kemm jistgħu joħorġu minn djarhom. Il-gvernijiet Ewropej kollha qegħdin jagħmlu studji u pjanijiet kif jistgħu jikkontrollaw it-tixrid tal-Coronavirus iżda l-approċċi tagħhom huma pjuttost differenti minn ta’ xulxin. Fost il-pajjiżi li bdew biex inaqqsu r-restrizzjonijiet imposti hemm:

* Franza – Jiddependi kollox fuq ir-rata tal-infezzjoni

Il-Prim Ministru Franċiż Edouard Philippe ppreżenta pjan biex mill-11 ta’ Mejju jonqsu r-restrizzjonijiet u dan basta r-rata tal-infezzjonijiet tibqa’ taħt it-3,000 persuna kuljum. Il-pjan, li għad irid ikun approvat mill-parlament, se jerġa’ jwitti t-triq biex il-ħwienet ta’ servizzi mhux essenzjali, jerġgħu jiftħu; l-iskejjel bil-mod il-mod ukoll b’dawk tal-kbar jiftħu fit-18 ta’ Mejju. Il-maskri se jkunu obbligatorji fuq it-trasport pubbliku u huma rrakkomandati waqt ix-xiri. Il-metro ta’ Pariġi se taħdem b’70% tal-operat massimu tagħha iżda n-nies huma mħeġġa jkomplu jaħdmu mid-djar. Philippe sostna li Franza “se jkollha titgħallem tgħix bil-virus” u ħabbar li se jżidu t-testijiet għal 700,000 fil-ġimgħa.

* L-Italja – Conte jippreżenta pjan

Il-Prim Ministru Giuseppe Conte ddeċieda li bil-mod il-mod jerġa’ jiftaħ l-attivitajiet fl-Italja. Dan il-pajjiż intlaqgħat ħażin ħafna mill-pandemija iżda għadd ta’ restrizzjonijiet tneħħew mill-bieraħ fejn fost l-oħrajn jagħti permess lill-popolazzjoni tal-pajjiż, total ta’ 60 miljun persuna, biex jagħmlu eżerċizzju fiżiku barra u joħorġu mid-djar basta jibqgħu fir-reġjuni tagħhom. Aktar restrizzjonijiet se jitneħħew mit-18 ta’ Mejju u l-1 ta’ Ġunju bil-għan li l-ekonomija terġa’ tqum fuq saqajha. L-aħbar li l-ħwienet tax-xorb u r-ristoranti se jkunu biss permessi li jiftħu mill-1 ta’ Ġunju ma ntlaqgħetx tajjeb, mentri l-Knisja Kattolika kienet iddiżappuntata li ma ssemmitx fir-rigward ta’ tnaqqis fir-restrizzjonijiet fl-ambitu reliġjuż. L-iskejjel se jibqgħu magħluqa sas-sena skolastika l-ġdida li tibda f’Settembru li ġej.

* Spanja – Restrizzjonijiet għat-tfal

Għall-ewwel darba wara sitt ġimgħat lockdown totali, it-tfal f’dan il-pajjiż tħallew joħorġu ftit fit-toroq. Regoli stretti għadhom japplikaw fi Spanja wara li dan il-pajjiż kien wieħed mill-aktar milquta mill-pandemija. It-tfal jistgħu biss joħorġu għal massimu ta’ siegħa kuljum bejn id-9 ta’ filgħodu u d-9 ta’ filgħaxija akkumpanjati minn adult wieħed u mhux fi gruppi akbar minn tlieta. Jekk il-każijiet tal-infezzjonijiet jibqgħu stabbli, il-Gvern Spanjol mistenni jħabbar aktar libertà fil-moviment għaċ-ċittadini. 

* Portugal – Il-Gvern iwiegħed aktar maskri

F’nofs April il-gvern Portugiż żied il-perjodu tal-lockdown wara li wiegħed żieda fl-ilbies protettiv. Huwa qal li l-ħwienet u n-negozji bil-mod il-mod se jkunu jistgħu jerġgħu jiftħu jekk ikun hemm tnaqqis fit-tifqigħa. 

* Renju Unit – Johnson lura x-xogħol

Il-Prim Ministru Boris Johnson reġa’ lura f’Downing Street il-ġimgħa l-oħra wara li rnexxielu jfieq mill-Covid-19. Huwa qal li l-pajjiż qiegħed fil-bidu tan-niżla tal-ewwel mewġa tal-pandemija iżda ma qalx meta se jibdew jonqsu r-restrizzjonijiet imposti bħala prekawzjoni. Dan il-gvern qiegħed jiffaċċja pressjoni biex jibdew jerġgħu lura għan-normal minħabba li l-ekonomija qiegħda tbati.

* Belġju – Ix-xogħol mid-dar se jsir in-norma

Il-Prim Ministru tal-Belġju, Sophie Wilms, ippreżentat pjan li huwa simili għal dak Taljan. Fl-ewwel fażi li bdiet mill-bieraħ, hemm żieda fl-użu tat-trasport pubbliku iżda l-passiġġieri kollha li għandhom ‘il fuq minn 12-il sena jridu jilbsu l-maskri. Sakemm jobdu l-miżura tas-social distance, iċ-ċittadini tal-Belġju jistgħu jagħmlu attività sportiva ma’ żewġ persuni oħra barra. Ix-xogħol mid-dar huwa mitlub li jkompli u n-nies jistgħu biss joħorġu mid-djar tagħhom għal raġunijiet validi fosthom għax-xiri, biex imorru għax-xogħol jew biex jaraw tabib. Fl-istadju ta’ wara li se jidħol fis-seħħ mill-11 ta’ Mejju, il-ħwienet kollha jistgħu jiftħu basta jieħdu l-miżuri ta’ prekawzjoni meħtieġa. Il-ħwienet tax-xagħar jistgħu jiftħu mit-18 ta’ Mejju u f’dan il-jum ukoll, l-iskejjel se jibdew jilqgħu ftit ftit lill-istudenti.

* L-Olanda – L-iskejjel jiftħu l-ġimgħa d-dieħla

Fl-Olanda l-iskejjel u ċentri tat-tfal se jerġgħu jiftħu fil-11 ta’ Mejju, mentri l-iskejjel sekondarji se jiftħu mill-1 ta’ Ġunju. Avvenimenti tal-massa, inkluż il-football, se jibqgħu pprojbiti sal-1 ta’ Settembru.

Pajjiżi oħra li ħabbru nuqqas fir-restrizzjonijiet tagħhom huma l-Awstrija, l-Ungerija, il-Polonja, il-Greċja, il-Kroazja, l-Isvezja, id-Danimarka, in-Norveġja, Slovenja, l-Islovakkja, ir-Repubblika Ċeka, il-Litwanja, il-Latvia, l-Estonja, it-Turkija u l-Isvizzera.

IN TEXT QUOTE BREAK:

Sport