Saturday, November 23, 2024

Il-WHO twissi li l-Covid-19 jista’ jibqa’ magħna

Aqra wkoll

L-Għaqda Dinjija tas- Saħħa (WHO) qalet li l-Covid-19 “jista’ jibqa’ magħna”. Id-direttur tal-WHO Dr Mike Ryan, meta kien qiegħed jitkellem mal-midja, wissa kontra li
wieħed jipprova jbassar meta dan il-virus se jinqered.

Huwa żied jgħid li anke jekk jinstab vaċċin għalih, biex wieħed jikkontrollah dan ikun jeħtieġ “sforz massiv”. Kwazi 300,000 persuna madwar id-dinja tilfu ħajjithom kawża ta’ dan il-coronavirus ġdid, u kien hemm iktar minn 4.3 każ ta’ infezzjoni.
Apparti dan kollu, in-Nazzjonijiet Uniti wissiet li din il-pandemija qiegħda toħloq ansjetà u mard mentali fost għadd ta’ persuni, partikolarment f’dawk il-pajjiżi fejn hemm nuqqas ta’ investiment l-kura tas-saħħa mentali. Għalhekk in-Nazzjonijiet Uniti ħeġġet lill-Gvernijiet biex jinkludu politika dwar is-saħħa mentali r-rispons tagħhom lejn din il-pandemija.

Dr Ryan meta kien qiegħed jitkellem waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Ġinevra qal “huwa importanti li npoġġi din fuq il-mejda: dan il-virus jista’ jkun virus endemiku l-komunità tagħna, u dan il-virus jista’ qatt ma jitlaq.” Huwa qabbel dan il-virus mal-HIV fejn qal li dan baqa’ magħna. Fil-preżent hemm iktar minn 100 potenzjal vaċċin li qegħdin jiġu żviluppati iżda qal li l-istess bħal mard ieħor li llum għandna l-vaċċin għalih – bħall-ħosba – dawn xorta qatt ma nqerdu totalment u għandhom magħna.

It-twissijiet min-naħa tal- WHO saru hekk kif għadd ta’ pajjiżi qegħdin b’mod gradwali jneħħu ftit ftit il-miżuri ta’ lockdown u l-gvernijiet qegħdin jistudjaw l-aħjar modi ta’ kif għandhom jiftħu l-ekonomiji tagħhom. Fid-dawl ta’ dan id-Direttur-Ġenerali tal-WHO Tedros Adhanom Ghebreyesus qal li huwa possibbli li bi sforz minn kulħadd dan il-virus jiġu kkontrollat. Iżda huwa wissa li ma hemm l-ebda garanzija ta’ mod faċli li tneħħi r-restrizzjonijiet mingħajr ma ġġib mewġa oħra ta’ infezzjonijiet.

Sport