Saturday, December 21, 2024

Il-WHO twissi li l-pandemija mhijiex viċin li tintemm

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Kap tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) wissa lill-mexxejja li l-pandemija tal-Covid-19 “mhux se tintemm fi żmien qrib”.

Tedros Adhanom Ghebreyes ħeġġeġ għall-kawtela u qal li l-varjant tal-Omicron mhuwiex dgħajjef daqskemm qiegħed jingħad li hu.

Huwa qal dan b’reazzjoni għall-fatt li pajjiżi Ewropej raw żieda rekord ta’ każi ġodda. In-numri reġistrati jitkellmu waħidhom u dan hekk kif fi Franza, matul il-jum tat-Tlieta kienu reġistrati kważi nofs miljun każ ġdid ta’ Covid-19. Għall-ewwel darba sa mill-bidu tal-pandemija, fil-Ġermanja ġew reġistrati aktar minn 100,000 każ ġdid f’24 siegħa.

Waqt konferenza mill-kwartieri tal-WHO f’Geneva, Dr Tedros qal li l-varjant wassal għal 18-il miljun infezzjoni madwar id-dinja fl-aħħar sebat ijiem.

Huwa żied jgħid li “Ma nistgħux niżbaljaw fid-diskors, l-Omicron qiegħed jikkawża mwiet u ħafna persuni qegħdin jiddaħħlu fl-isptarijiet”. Sostna li jeħtieġ li l-mexxejja jibqgħu kawti u jkompli jsir l-assessjar tas-sitwazzjoni tal-pandemija biex ma jintilfux r-riżultati miksuba s’issa.

Temm jitkellem dwar il-preokkupazzjoni tiegħu għal dawk il-pajjiżi li għandhom rati baxxi ta’ tilqim minħabba li nieshom huma l-aktar f’riskju li jlaqqtu l-virus b’effetti severi jew saħansitra mwiet jekk jibqgħu ma jirċevux il-vaċċin.

Ekonomija

Sport