Saturday, December 14, 2024

IL-WIĊĊ IL-ĠDID TAL-EWWEL DISTRETT?

Aqra wkoll

Bħala żagħżugħ mir-raħal Tal-Pietà, li trabbejt niġri fit-toroq ta’ Santa Venera, il-Ħamrun, tal-Belt Valletta u tal-Marsa, irrid ngħix f’Malta mingħajr timbru ta’ klassi soċjali; tabù li sfortuntament sal-ġurnata tal-lum għadu marbut mal-isem ta’ numru minn dawn il-lokalitajiet. Gvern Laburista ħadem ħafna sabiex jiġġieled il-problemi soċjali f’pajjiżna, b’mod partikolari fin-naħa t’isfel ta’ Malta. Fis-snin li għaddew rajna l-Powerstation antika tal-Marsa tintefa biex wasslet għal titjib fil-kwalità tal-arja u l-ħajja tan-nies. Fil-futur qarib hemm diversi proġetti oħra ppjanati, fosthom proġetti ta’ spazji miftuħa għat-tgawdija tal-familji, tħawwil ta’ iżjed siġar u Korp tal-Pulizija li ser isaħħaħ l-infurzar f’dawn iż-żoni.

Madanakollu r-realtà hi li fadal ħafna xi jsir sabiex naraw lil dan id-distrett pari passu mal-progress li rajna jseħħ fi nħawi oħra tal-pajjiż. It-tniġġis fl-arja fil-Ħamrun u l-Furjana huma kważi d-doppju tal-medja tal-pajjiż; ir-rati ta’ assentiżmu fl-ewwel distrett minn fost l-ogħla rati ta’ assentiżmu mill-iskejjel kollha; in-numru ta’ djar battala; il-mijiet ta’ familji li qed imorru jgħixu f’lokalitajiet oħra; l-isfidi multikulturali u ta’ sigurtà li għadhom preżenti; fost oħrajn.

Iżda l-istorja ta’ dan id-distrett għadha qed tinkiteb. Malta li rridu għal uliedna, anke għall-familji ta’ dawn il-lokalitajiet, hija waħda fejn kulħadd huwa mistieden jagħti s-sehem tiegħu għaliha, waħda li għandha futur sabiħ, dejjem jekk il-Partit Laburista taħt it-tmexxija għaqlija ta’ Robert Abela, nhar is-26 ta’ Marzu jingħata l-fiduċja tagħkom għall-ħames snin li ġejjin.

Kulħadd jaf li anke waqt pandemija u issa bil-gwerra fl-Ukrajna, dan kien il-Gvern u l-Prim Ministru li salva l-impjiegi, li kien it-tarka tal-ħaddiema u min iħaddem, li wiżen il-familji u assigura li aħna ż-żgħażagħ jibqa’ jkollna l-opportunitajiet sabiex nirnexxu. Dan filwaqt li kompla jwettaq il-bidla ekonomika u infrastrutturali, filwaqt li jippjana u jinvesti f’bidla ambjentali u soċjali.

Fost il-valuri li jiena nħaddan u li se nibqa’ nħaddan fil-karriera politika tiegħi, l-onestà hija l-valur li ta’ kuljum tagħtini l-motivazzjoni li npoġġi lili nnifsi għad-dispożizzjoni tar-residenti tal-ewwel distrett sabiex inservi b’mod umli, b’mod ġust, b’mod li ma jħarisx lejn l-uċuħ, iżda lejn il-kapaċitajiet tal-individwu.

Jiena determinat li nagħti s-sehem tiegħi sabiex il-ħolma ta’ Malta Flimkien, il-futur sabiħ, isir realtà. Jiena entużjast li nkun protagonist sabiex inkompli nġib id-differenza pożittiva fl-iżvilupp ta’ dawn iż-żoni u l-ħajja tar-residenti tal-ewwel distrett li tant huwa għal qalbi.

Miegħi, Keith Azzopardi Tanti, bħala Kandidat mal-Partit Laburista fuq l-ewwel distrett, tafu fejn qegħdin.

B’umiltà kbira,

Bħala żagħżugħ, lest sabiex inkun il-wiċċ il-ġdid fil-parlament taż-żgħażagħ u l-ġenerazzjoni ta’ għada li jridu ħarsien xieraq tal-ambjent, xogħol ta’ kwalità u ċ-ċans li aħna l-politiċi mhux biss nemmnu fihom iżda li nwittulhom it-triq sabiex jirnexxu kemm f’pajjiżna u anki barra minn xtutna.

Bħala sid ġdid ta’ dar, lest sabiex inkun il-wiċċ il-ġdid fil-parlament ta’ dawk l-individwi u koppji kollha li għandhom bżonn għajnuna biex isiru sid tal-ewwel dar tagħhom.

Bħala missier, lest sabiex inkun il-wiċċ il-ġdid fil-parlament tal-familji li jridu lill-uliedhom l-istilel ta’ pajjiżna, provvista tajba tal-ikel lokali, tfal attivi u b’saħħithom u tan-negozji kollha kbar u żgħar;

Bħala ħaddiem, lest sabiex inkun il-wiċċ il-ġdid fil-parlament tal-ħaddiema li jridu kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar, tnaqqis fit-taxxi, kontijiet stabbli, akkomodazzjoni soċjali u affordabbli;

Bħala iben, lest sabiex inkun il-wiċċ il-ġdid fil-parlament tal-anzjani li jridu servizz tas-saħħa mill-aqwa u b’xejn, tisħiħ fil-pensjoni, u iżjed ftuħ ta’ djar u ċentri tal-anzjani;

Bħala resident tal-Ewwel distrett, lest sabiex inkun il-wiċċ il-ġdid fil-parlament ta-lokalitajiet Tal-Pieta’, Santa Venera, Ħamrun, Marsa, Belt Valletta u l-Floriana sabiex nassigura li:

  • il-faqar ikompli jiġi miġġieled;
  • tisħiħ tal-proġetti ambjentali;
  • tisħiħ fl-iskejjel governattivi u fil-faċilitajiet sportivi;
  • tisħiħ fl-għaqdiet non-governattivi u l-Kunsilli Lokali;
  • iżjed ugwaljanza u aċċessibbilita’ b’opportunitajiet indaqs għall-persuni kollha, inkluż dawk b’diżabbilita’;
  • toroq iżjed siguri;
  • komunitajiet tan-negozji imwieżna biex joħolqu iżjed impjiegi;
  • iżjed ħidma għal turiżmu sostenibbli.

Jiena, Keith Azzopardi Tanti, kont, għadni u nibqa’ dak il-politiku li kburi li ħrigt mill-Ewwel distrett; kburi li konna flimkien, li smajna ‘l xulxin, u li ksibna suċċessi flimkien fil-kariga tiegħi ta’ Sindku Tal-Pieta’. Issa li wasalna fl-aħħar ta’ dan il-vjaġġ politiku, nixtieq li tagħtuni l-opportunita’ li għall-ħames snin li ġejjin nibqa’ l-politiku li nirrappreżenta l-Ewwel distrett kollu; il-wiċċ il-ġdid li nkompli nagħtik valur, leħen u l-importanza li tixraqlek, mhux biss qabel l-elezzjoni iżda matul it-triq twila li hemm tistenniena min-nhar is-27 ta’ Marzu 2022 ‘l quddiem.

Artiklu miktub mill-Kandidat f’isem il-Partit Laburista għall-Ewwel distrett Keith Azzopardi Tanti

Ekonomija

Sport