Monday, December 9, 2024

Il-WSC forniet aktar minn 1.6 miljun metru kubu ta’ ilma riċiklat

Aqra wkoll

Il-proġett tan-New Water li beda fis-sena 2018, minbarra li huwa sors ta’ ilma ta’ kwalità tajba ħafna għat-tisqija tal-uċuħ tar-raba qed jgħin ukoll biex titaffa l-pressjoni fuq l-ilma tal-pjan. Is-sena li għaddiet, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma forniet aktar minn 1.6 miljun metru kubu ta’ dan l-ilma riċiklat b’benefiċċji ambjentali, li minnu diġà qed igawdu mijiet ta’ bdiewa kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex.

Dan qalitu l-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli fil-Parlament fi tweġiba għall-mistoqsija li saritilha mid-Deputata Nazzjonalista Bernice Bonello.

Il-Ministru Dalli spjegat li l-lokalitajiet li diġà għandhom kemm is-sistema tal-pipelines kif ukoll id-dispensers installati, fejn uħud minnhom diġà qegħdin jagħmlu użu min-New Water huma Ħaż-Żabbar, il-Kalkara, Wied il-Għajn, iż-Żejtun, ix-Xgħajra, Delimara, il-Mellieħa (l-Aħrax, il-Manikata u l-Miżieb), l-Imġarr u San Pawl il-Baħar f’Malta, kif ukoll Għajnsielem, ix-Xewkija u Kerċem f’Għawdex.

Tenniet li l-Korporazzjoni qed tkompli testendi dan il-proġett madwar il-gżejjer Maltin biex aktar bdiewa jkollhom aċċess għal din ir-riżorsa tant essenzjali. Bħalissa qed timplimenta proġett li bih qed iżżid id-disponibbiltà ta’ dan l-ilma lejn diversi nħawi oħrajn li jinkludu Marsaxlokk, il-Gudja, Ħal Għaxaq, iż-Żurrieq u Ħal Safi. Se nibqgħu għaddejjin b’dan ir-ritmu biex inkomplu nilħqu aktar lokalitajiet.

Ekonomija

Sport