Tuesday, September 30, 2025

Il-Yachting Malta Race Week Tenfasizza d-Diversità tal-Ibburdjar f’Malta

Aqra wkoll

Ir-Royal Malta Yacht Club ospitat b’suċċess il-Yachting Malta Race Week, programm mimli b’attivitajiet diversi tal-ibburdjar li ġab flimkien tlielaq offshore, madwar il-kosta, dinghies u ibburdjar għan-nisa.

Il-programm kien jinkludi firxa ta’ attivitajiet, fosthom tellieqa offshore lejn Licata, Sqallija,  tlielaq madwar il-kosta u round-the-cans, kif ukoll Dinghy Ranking Regatta. Barra minn hekk, ir-Royal Malta Yacht Club ingħaqad mal-Vikings Sailing Club biex jospita Steering the Course, inizjattiva ta’ World Sailing li għandha l-għan li tinkoraġġixxi aktar parteċipazzjoni femminili f’dan l-isport.

Tellieqa ta’ Licata

L-isfida offshore kienet opportunità ta’ taħriġ ideali għall-ekwipaġġi li qed jippreparaw għall-Rolex Middle Sea Race li ser tibda nhar it-18 ta’ Ottubru. Ton Ton Laferla Insurance ta’ Jonathan Gambin rebaħ b’mod deċiżiv. Fil-Klassi tal-Cruisers, ir-rebħa kienet miksuba mingħand Stella R ta’ Steve Carter.

Cruisers’ Coastal Race

Matul il-weekend saru żewġ tlielaq qosra madwar il-kosta tal-lvant ta’Malta. Inspiration ta’ Godwin Zammit ddominat il-kompetizzjoni, meta rebħet kull tellieqa u b’hekk ir-rebħa overall.

Klassi SB20

Il-flotta SB20 tat wirja ta’ tlielaq kompetittivi. Matthew Scicluna flimkien mal- Lee Gauci u Fabio Galea – li wkoll qed jippreparaw għall-Rolex Middle Sea Race – ħarġu rebbieħ wara dwell intensiv mal-ekwipaġġ ta’ Duncan Camilleri, b’riżultat deċiż fl-aħħar jum. It-tielet post mar għand Jan Rossi u t-tim tiegħu.

Steering the Course

Bħala parti mill-Yachting Malta Race Week, l-avveniment Steering the Course poġġa lin-nisa fil-quddiem tal-isport, kemm fuq il-baħar kif ukoll fil-ġestjoni tat-tlielaq. Il-parteċipanti kienu maqsuma fiż-żewġ diviżjonijiet — Skippers għall-dawk b’aktar esperjenza u Crew għal dawk ta’ inqas esperjenza.

  • Fid-Diviżjoni Skippers, it-tielet post mar għand Sonja Stellini, it-tieni għand Renata Fernandez Favaron, u l-ewwel post għand Veronika Basalkina.
  • Fid-Diviżjoni Crew, it-tielet post ingħata  lil Francesca Borg u Sara Femenia Ribes, it-tieni post lil Seda Shahmuradyan, u l-ewwel post lil Kimberly Engels.

It-trofej ġew ippreżentati  minn Sandra Agius Darmanin, Commodore tal-Vikings Sailing Club, li mmexxiet ukoll it-tim tal-ġestjoni tat-tlielaq, appoġġjata minn Michelle Caruana u Tamara Pavlovic.

Dinghy Ranking Regatta

L-aktar avveniment l-iktar ikkontestat tal-ġimgħa kien id-Dinghy Ranking Regatta, li ġibdet parteċipazzjoni b’saħħitha mill-klabbs lokali kollha. Ir-Regatta kienet mifruxa fuq jumejn, saru sitt tlielaq f’kundizzjonijiet differenti — nhar is-Sibt, il-baħħara kellhom jaffaċċjaw grigal ta’ 13–15 mil nawtiku fis-siegħa b’baħar imqalleb, filwaqt li l-Ħadd ġab riħ mix-xlokk ta’ 5–8 mil nawtiku fis-siegħa, b’imbatt moderat. Dawn il-kundizzjonijiet varjati sfidaw il-ħila u l-adattabbiltà, u taw jumejn ta’ tlielaq eċċitanti.

Il-Yachting Malta Race Week intemm b’ċerimonja ta’għoti ta’ premijiet fil-Royal Malta Yacht Club, preseduta minn Mark Napier, Commodore tar-Royal Malta Yacht Club, u Michael Mifsud, CEO ta’ Yachting Malta.

“Il-Yachting Malta Race Week wera għal darb’oħra s-saħħa u d-diversità tal-komunità tal-ibburdjar. Mit-tlielaq offshore sa tlielaq tad-dinghies, u mill-ekwipaġġi esperjenzati u dawk li għadhom jibdew – permezz ta’ inizjattivi bħal Steering the Course, kien sabiħ li tara daqshekk nies fuq l-ilma. Nixtieq nirringrazzja lil Yachting Malta, lill-voluntiera, lit-timijiet tal-ġestjoni tat-tlielaq, u lill-klabbs kollha li ħadmu flimkien biex din il-ġimgħa tkun ċelebrazzjoni sabiħa tal-ibburdjar.” – Mark Napier, Commodore, Royal Malta Yacht Club

Fuq din il-nota, il-CEO ta’ Yachting Malta Michael Mifsud enfasizza r-rwol ta’ Yachting Malta fil-promozzjoni ta’ kemm il-parteċipazzjoni u kif ukoll l-prestazzjoni.

“Wieħed mill-għanijiet prinċipali ta’ Yachting Malta huwa li nappoġġjaw inizjattivi li jsaħħu l-isport fuq kull livell — mill-dinghy racing grassroots sal-isfidi offshore, u bl-istess mod billi nippromwovu aktar parteċipazzjoni tan-nisa permezz ta’ inizjattivi internazzjonali bħal Steering the Course. Is-suċċess ta’ din il-Race Week, kemm f’termini ta’ parteċipazzjoni kif ukoll ta’ prestazzjoni, huwa rifless ċar tal-entużjażmu u t-talent fil-komunità tal-ibburdjar. Ninsabu soddisfatti ħafna bil-ħidma tagħna flimkien mar-Royal Malta Yacht Club u mal-Vikings Sailing Club biex dan iseħħ.” – Michael Mifsud, CEO, Yachting Malta

Il-Yachting Malta Race Week saret taħt l-awspiċji tal-Malta Sailing Federation.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport