Friday, November 15, 2024

Il-Yachting Malta Race Week tingħata bidu s-Sibt

Aqra wkoll

Yachting Malta ħabbret li t-tieni edizzjoni tal-Yachting Malta Race Week se tibda nhar is-Sibt 21 ta’ Mejju u tintemm il-Ħadd 29 ta’ Mejju.

Il-Yachting Malta Race Week hija inizjattiva mnedija fl-2021 u hi opportunita li wieħed igawdi spettaklu ta’ dixxiplini sportivi differenti li jinkludu tlielaq tad-dinghies, jottijiet, kif ukoll powerboats.

It-tiġrijiet tal-ibburdjar se jkunu ospitati minn Yachting Malta, ir-Royal Malta Yacht Club, u l-SB20 Association Malta u jsiru taħt il-patroċinju tal-Malta Sailing Federation. It-tiġrijiet Voomquest Enemed huma awtorizzati mill-Malta Powerboat Federation, jseħħu taħt il-patroċinju tal-Union International Motonautique (UIM).

L-ewwel attivitajiet se jsiru fi tmiem il-ġimgħa fir-Royal Malta Yacht Club u se jilqgħu lill-baħrin mill-iskejjel tal-ibburdjar lokali li se jkunu qed jieħdu sehem fir-Regatta Ranking Nazzjonali għall-Klassijiet Optimist u ILCA. It-tlielaq huma skedat li jsiru l-barra mix-xatt ta’ Tas-Sliema, bejn il-Port ta’ Marsamxett u d-Dragonara. Fl-istess ħin mad-Dinghy Ranking Regatta, l-Assoċjazzjoni SB20 Malta se tkun qed tospita wkoll regatta ta’ jumejn bejn Fortizza u San Ġorġ.

Il-Voomquest Enemed UIM V2 World Championships se jaraw it-tieni Grand Prix tal-istaġun 2022 isir tul ix-xatt ta’ Tas-Sliema mis-27 sad-29 ta’ Mejju. Il-powerboats V2 se jkunu qed jtellqu wara nofsinhar. Il-Klassijiet Cyber ​​Classes ser jikkompetu wara l-V2s u jsiru ġewwa l-Port il-Kbir.  It-tiġrijiet se jkunu qrib ix-xatt, li jagħmilha faċli għall-ispettaturi biex igawdu l-azzjoni.

Il-Ġimgħa wara nofsinhar se ssir it-tiġrija offshore Veuve Clicquot Round Linosa, li tibda ftit barra l-Port il-Kbir. It-tellieqa ta’ 180 mil nawtiku hija rikonoxxuta uffiċjalment mill-uffiċċju tar-Rekords tal-IRC. Ir-rekord tas-sena li għaddiet (ħin korrett) ta’ ġurnata, 12-il siegħa, 39 minuta, u 49 sekonda kien irreġistrat minn Otra Vez ta’ Aaron Gatt Floridia.

Ninsabu kuntenti ħafna li nergħu naraw il-Yachting Malta Race Week terġa sseħħ. Filwaqt li l-avveniment tas-sena l-oħra kellu inqas attivita minħabba l-pandemija tal-Covid-19, din is-sena avveniment mistenni jkun akbar, irrmarka John Huber, Chairman ta’ Yachting Malta.

Aktar informazzjoni dwar il-Yachting Malta Race Week tinsab fuq is-sit elettroniku www.yachtingmalta.org

Ekonomija

Sport