Tuesday, December 24, 2024

Illejla jiftaħ il-Farsons Beer Festival

Aqra wkoll

L-40 edizzjoni tal-Farsons Beer Festival tiftaħ illejla fiż-Żona tal-Picnics Ta’ Qali b’Xarulu, Kurt Calleja Band u Airport Impressions fuq il-palk prinċipali u Morsrot, Angelcrypt u Align the Tide fuq il-palk l-ieħor. Miss Roberta se tkun iddoqq fil-Casa Electronica.

Il-Festival għandu għaddej sas-Sibt, 6 ta’ Awwissu, u jiftaħ kuljum fit-8pm. 

L-għażla tal-birer tinkludi l-marki lokali rebbieħa tal-portafoll taċ-Cisk, il-Birer Klassiċi ta’ Farsons, marki magħrufa ta’ birer internazzjonali, u birer artiġjanali mir-Renju Unit u l-Italja. Hemm ukoll birer Ingliżi gluten-free, birer bla alkoħol, u għażla ta’ ciders. 

Mill-bars ewlenin tista’ tixtri l-mug, tal-edizzjoni limitata uffiċjali, tal-40 edizzjoni tal-Festival.

B’rabta mal-impenn ta’ Farsons li jagħmel il-Festival aktar ekoloġiku b’inqas oġġetti tal-plastik, il-birer u s-soft drinks, għal darb’oħra, se jisservew f’tazzi li jistgħu jerġgħu jintużaw. Dawn jinxtraw f’żewġ daqsijiet, 25ċl u 50ċl, mill-bars kollha, u jistgħu jerġgħu jintużaw f’kull serata tal-Festival. Fejn il-bars hemm ukoll għadd ta’ postijiet fejn tista’ tlaħlaħhom. Kull min jiġi l-Festival hu mħeġġeġ jarmi l-iskart tiegħu kif jixraq fil-postijiet apposta.

F’din l-edizzjoni se tintuża s-sistema tat-tokens diġitali u biex tixtri mill-bars trid kard. Din l-RFID card hi komda għax biha tista’ tħallas faċilment. Biex tużaha trid tittoppjaha mill-inqas b’€10.

Peress li bħalissa Triq il-Pitkalija magħluqa, kull min ġej il-Festival minn Ħ’Attard għandu jdur fuq il-lemin għal Triq il-Gradilja, imbagħad xellug għal Triq Durumblat, u jdur mal-ewwel triq fuq ix-xellug għal Triq San Ġakbu. Mat-triq tpoġġew għadd ta’ tabelli. It-toroq l-oħra għal Ta’ Qali huma miftuħin.

Bħal fl-edizzjonijiet li għaddew, il-Malta Public Transport żiedet tliet rotot speċjali minn Ta’ Qali għal Buġibba, San Ġiljan u Birżebbuġa, u lura. Dawn ir-rotot jibdew kollha mill-waqfa temporanja li tqiegħdet fid-daħla tal-parkeġġ il-kbir (fejn il-gym ta’ barra), qrib l-MFCC. Jista’ jkun hemm rati speċjali għalihom. Tagħrif dettaljat dwar dawn it-tliet rotot issibu minn hawn: https://www.publictransport.com.mt/en/the-farsons-beer-festival

L-40 edizzjoni tal-Farsons Beer Festival hi sponsorjata minn Epic u appoġġjata mill-PRS for Music, Vibe, Uber, Peperami u Snickers.  

Għal tagħrif ieħor, idħol fis-sit www.farsonsbeerfestival.com.

Ekonomija

Sport