Illejla eluf ta’ persuni mistennija jimxu wara l-istatwa merakoluża tar-Redentur fl-Isla hekk kif se tkun qed titmexxa f’purċissjoni.
Il-quddiesa se tibda fis-6.00pm u wara eżatt toħroġ il-purċissjoni mmexxija mill-Emminenza Tiegħu il-Kardinal Mario Grech – Segretarju tas-Sinodu tal-Isqfijiet.
Kien fl-1813 meta s-Senglejani kienu talbu lir-Rendentur li hemm miżmum fil-knisja tal-Isla u anke talbu lil Bambina li jekk fil-belt tagħhom ma tidħolx il-marda tal-pesta tibda ssir purċissjoni kull sena f’Ġunju. U fil-fatt hekk ġara l-pesta ma daħlix l-Isla u wara dawn is-snin kollha għadha toħroġ il-purċissjoni f’Ġunju.
Din l-istatwa tinħareġ mill-knisja 3 darbiet fis-sena. F’Marzu meta jsir il-Pellegrinaġġ Nazzjonali Djoċesan, nhar il-Ġimgħa l-Kbira u f’Ġunju, Ħadd fuq Corpus meta ssir il-purċissjoni li hija wegħda.