Sunday, November 24, 2024

Illejla l-Arċisqof se jgħammed 14-il adult minn għaxar pajjiżi differenti

Aqra wkoll

Illejla, waqt il-Vġili Solenni tal-Qawmien tal-Mulej mill-Imwiet fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, l-Arċisqof Charles Jude Scicluna ser jiċċelebra s-Sagramenti tad-Dħul fil-Ħajja Nisranija (magħmudija, griżma u tqarbin) lil erbatax-il katekumenu, jiġifieri persuni li f’età adulta jagħżlu l-ħajja Nisranija.

L-erbatax-il adult, li llejla b’dawn is-sagramenti ser isiru wlied Alla u membri ġodda tal-Knisja Kattolika, huma minn għaxar pajjiżi differenti: Malta, iċ-Ċina, il-Kosta tal-Avorju, il-Portugall, ir-Repubblika Ċeka, ir-Russja, il-Libja, il-Kuwajt, in-Nepal u l-Albanija.

Matul ir-Randan, dawn il-persuni ltaqgħu mal-Arċisqof Scicluna bi tħejjija għal dan il-mument importanti f’ħajjithom. Waħda minn dawn il-katekumeni hi Alisa, li twieldet ir-Russja minn ġenituri li ma jħaddnu ebda reliġjon, u li ħallew f’idejha tagħżel liema twemmin tixtieq tħaddan. Matul żgħożitha u anke iktar ’il quddiem, Alisa kienet tħoss li hemm xi ħaġa nieqsa f’ħajjitha. Madanakollu xorta baqgħet tiċħad il-fidi għaliex kienet tqisha oppressiva. Wara li għaddiet minn diversi esperjenzi koroh, persuna qrib tagħha stednitha tmur quddiesa tal-Ħadd u kien hemmhekk li Alisa indunat x’kellha nieqes f’ħajjitha u li naqset tagħraf kemm il-ħajja hi sabiħa u prezzjuża. Minn dakinhar, iktar ma kompliet tistaqsi u titgħallem dwar il-fidi Nisranija, Alisa iktar kienet tħossha

ħielsa mit-toqol li ġarrbet f’ħajjitha. Din il-bidla kompliet issaħħaħ iktar ix-xewqa tagħha li tirċievi l-magħmudija u ssir membru ġdid tal-Knisja Kattolika.

Iċ-ċelebrazzjoni tal-Vġili tal-Għid tibda fit-8:00 p.m. u tinkludi: it-tberik tan-nar li jsir fuq iz-zuntier tal-Konkatidral ta’ San Ġwann u tkompli bit-tħabbira tal-Għid; il-qari ta’ siltiet mill-Kotba Mqaddsa u l-kant tal-Glorja; it-tberik tal-ilma, jiġifieri meta l-blandun mixgħul min-nar imbierek fuq iz-zuntier jiddaħħal fl-ilma; u l-liturġija tal-Ewkaristija.

Bl-ilma mbierek jitgħammdu l-katekumeni li jirċievu wkoll il-Griżma tal-Isqof biż-żejt tal-Griżma li ġie kkonsagrat nhar Ħamis ix-Xirka filgħodu. Waqt l-istess Vġili, l-imgħammdin ġodda jirċievu t-tqarbin. Fil-Knisja Kattolika dawn is-sagramenti huma l-pedament li fuqhom tinbena l-ħajja tal-membri tagħha u li jħejju t-triq għas-sagramenti l-oħra.

Sport