F’dawn l-aħħar sigħat, l-organizzaturi ta’ Lejl Imkebbes flimkien mal-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar ħadmu fuq numru ta’ arranġamenti sabiex, minkejja t-temp tal-aħħar jiem, l-avveniment tant popolari Lejl Imkebbes ikun jista’ jittella’ fiċ-Ċittadella.
Illejla mis-6:00 ta’ filgħaxija ’l quddiem, żoni prinċipali fiċ-Ċittadella se jinbidlu f’ambjent maġiku, b’eluf ta’ xemgħat li joħolqu disinji mill-isbaħ. Din is-sena, il-festival se jinkludi madwar 500 metru kwadru ta’ artefatti uniċi, flimkien ma’ attrazzjonijiet oħra tad-dawl.
Attrazzjoni ewlenija ġdida għal din l-edizzjoni se tkun esperjenza immersiva permezz ta’ projection mapping, li tfakkar il-475 anniversarju mill-invażjoni ta’ Għawdex tal-1551. Il-Pjazza tal-Katidral taċ-Ċittadella se tinbidel f’xena dinamika ta’ dawl, ħoss u storja, li tirrakkonta l-avvenimenti drammatiċi li ffurmaw l-identità u r-reżiljenza tal-Għawdxin. Din il-projezzjoni se tintwera kull 15-il minuta matul il-lejl kollu, sabiex il-pubbliku jkollu diversi opportunitajiet biex igawdi dan l-ispettaklu uniku.
Matul il-lejl se jkunu organizzati diversi attivitajiet għal kulħadd, fosthom re-enactments storiċi u tradizzjonali, dħul bla ħlas fis-siti kollha ta’ Heritage Malta flimkien ma’ żewġ kunċert oħra ta’ mużika kontemporanja ‘Ensamble’. Se jinfetaħ ukoll il-Katidral t’Għawdex b’kunċert kull siegħa minn KorMalta.
Fil-foss taċ-Ċittadella se jkun hemm ukoll stands tal-ikel li joffru għażla varjata ta’ ikel.
Id-dħul għal Lejl Imkebbes huwa bla ħlas u l-avveniment qed jiġi organizzat b’kollaborazzjoni mad-Direttorat tal-Wirt Kulturali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar.
Lejl Imkebbes sar wieħed mill-avvenimenti ewlenin fil-kalendarju kulturali ta’ Għawdex, li kull sena jiġbed lejh eluf ta’ nies, kemm Għawdxin u Maltin kif ukoll turisti.

