Illejla għall-ħabta tal-5.30 f’Marsalforn seħħet ġlieda kbira li bdiet bl-argumenti minn ħin qabel. Fil-ġlied kien hemm involuti aktar minn 6 persuni fosthom anke Għawdxin.
Sorsi li tkellmu ma’ talk.mt qalulna li għall-ħabta tal-4.00pm niżel raġel Rumen, li soltu jkun ukoll fl-inħawi ta’ Marsalforn. Għal xi raġuni dan beda jiċċekkja l-imwejjed li hemm u jgħidilhom li hu ġie jiċċekkjaw jekk hux kollox bil-permess.
Jirriżulta li r-raġel ma kellu l-ebda permess li jagħmel dan, iżda beda jgħidilhom li hu għandu s-saħħa għax ħabib ta’ Kap Eżekuttiv.
Hekk kif komplew l-argumenti mar pulizija fuq il-post u r-Rumen allegatament qal lill-pulizija “illejla nġib pistola u kollha noqtolhom”.
L-istess sorsi qalulna li l-pulizija li f’dak il-ħin kien waħdu mill-ewwel talba għall-għajnuna, iżda sakemm waslu aktar uffiċjali bdiet ġlieda kbira b’diversi nies allegatament jagħtu bis-sieq lir-Rumen.
S’issa mhux magħrufa jekk il-pulizija wettqux xi arresti, iżda l-istess pulizija li skont is-sorsi niżlu mill-Għassa tar-Rabat ikkontrollaw is-sitwazzjoni mill-ewwel.
Persuni li jiffrekwentaw ħafna lil Marsalforn qalu lil talk.mt li dan ir-Rumen u magħruf sew hemm u dejjem jipprova jaqla xi ġlieda. “Illum għamilha u li kieku ma ġewx il-pulizija malajr kieku kien imut xi ħadd,” qalu l-istess sorsi.