Waqt li kien qiegħed jitkellem waqt attività politika fil-Mellieħa, id-DPM Chris Fearne ħabbar li llejla se tasal l-ewwel konsenja tal-vaċċin tal-Moderna.
Huwa tkellem dwar is-suċċess ta’ pajjiżna. Qal li fil-preżent 85 fil-mija tal-pajjiżi fid-dinja m’għandhomx il-vaċċin u erbgħa minn kull ħames pajjiżi għadhom ma bdewx ilaqqmu liċ-ċittadini tagħhom. Huwa għamilha ċara li pajjiżna jagħmel parti mal-pajjiżi li mexjin fit-triq pożittiva.
Fearne fakkar li wara li ħmistax ilu rċevejna l-konsenja tal-vaċċin tal-Pfizer, illejla pajjiżna se jkun l-ewwel pajjiż fl-Ewropa li jirċievi l-ewwel konsenja tal-vaċċin tal-Moderna. Ftit sigħat wara jibdew jirċevuh pajjiżi oħra kbar bħalma huma l-Ġermanja u Spanja.