Alex Grech hu DJ ferm magħruf fil-gżejjer Maltin li jispeċjalizza fil-mużika tas-snin tmenin. Ilu jorganizza avvenimenti mużikali f’diskoteki u postijiet ta’ divertiment għal aktar minn 20 sena bil-pubbliku, partikolarment dawk dilettanti tal-mużika li dejjem jikkonkorru. Din is-sena Alex Grech jagħlaq 25 sena jipproduċi programm tar-radju bl-isem ta’ Reflex. Beda lura fl-1996 fuq Radju MAS u baqa’ għaddej kull nhar ta’ Sibt jagħti l-aqwa mużika tas-snin 80 kif ukoll ħafna informazzjoni relatata ma’ dak il-perjodu.
Iżda kif bdiet din l-imħabba lejn dan il-ġeneru ta’ mużika?
“Bdejt meta kont żgħir. Tista’ tgħid li s-snin tmenin kienu wkoll iż-żgħożija tiegħi fejn għext ħafna mumenti sbieħ u li diffiċli tinsihom. Kont insegwi l-mużika ta’ din l-era apparti li kont dilettant ħafna ta’ ċerti gruppi rock ta’ dak iż-żmien fosthom rock bħal ACDC, Status Quo, Led Zeppelin u ħafna oħrajn. Kien żmien fejn kelli 15-il sena u fejn kont nattendi s-sixth form tal-Imsida. Kien żmien ukoll meta karozza ma kellniex u għalhekk konna mmorru kullimkien bil-karozza tal-linja. Konna mmorru f’postijiet li dak iż-żmien kienu ferm popolari fosthom il-Polytechnic. Xi ftit żfin ma kienx jonqos. Fi ftit kliem kien żmien sabiħ li influwenzani u li diffiċli ninsih,” qalilna Alex Grech.
Kien hawn li huwa beda jimraħ ukoll fid-dinja tar-radju li kien jaffaxxinah ħafna. Hu jgħid li kien hemm żmien fis-snin 90 fejn il-mużika tat-tmeninijiet ma tantx kienet tindaqq u din il-ħaġa kienet iddejqu. Kien għalhekk li fl-1997 beda l-programm Reflex fejn l-enfażi tkun fuq mużika tas-snin tmenin.
Fis-sena 2004, Alex Grech mar lil hinn minn hekk tant li beda jorganizza l-avvenimenti bl-istess isem tal-programm u hawn beda jkollu l-ewwel suċċessi. Għaddew 18-il sena iżda kif jgħid hu qisu l-bieraħ meta kollox beda b’sempliċi idea.
“In-nies li bħali għexu ż-żgħożija tagħhom fis-snin tmenin kienu qed iħossu n-nuqqas ta’ avvenimenti li jkunu strettament dedikati lill-mużika ta’ din l-era. Iktar ma beda jgħaddi ż-żmien, iktar bdejt nara konkorrenza għall-avvenimenti li bdejt norganizza u dan tani kuraġġ kbir.”
Iżda x’inhu s-sigriet li l-folol ikomplu dejjem jiżdiedu għall-avvenimenti li hu jorganizza?
“Jien naħseb in-nies japprezzaw il-ġenwinità tiegħi u li l-affarijiet nagħmilhom bil-qalb. B’xorti tajba, bnejt ukoll ċertu kredibbiltà li biha l-avvenimenti li norganizza dejjem ikunu suċċess. Jien inħobb nipprepara ħafna għal kull ħaġa li nagħmel. Anke meta nagħmel il-programm, dejjem nagħmel riċerka tajba sabiex meta nitkellem fuq artist jew kantant partikolari, jkolli l-istatistika kollha f’idi.”
Alex Grech hu partitarju kbir ta’ Liverpool FC. Hu jgħid li din l-imħabba tnisslet minħabba li l-familja tiegħu hi kollha partitarji tar-Reds. Missieru hu ferm akkanit u mhux l-ewwel darba li flimkien marru jaraw xi logħba f’Anfield jew meta jkunu se jilagħbu f’kompetizzjoni Ewropea. Grech jiftakar is-snin tmenin li kienu glorjużi għal dan it-tim u li fihom rebħu diversi tazzi. Kellhom tim verament tajjeb bi plejers bħal Ian Rush, John Barnes, Bruce Grobelaar u Kevin Sheedy fost l-oħrajn. Jiftakar l-esperjenza sabiħa meta Liverpool rebħu l-UEFA Champions League fis-sena 2005. Dakinhar huma kienu qed jitilfu 3-0 kontra AC Milan iżda fit-tieni taqsima nqaleb ir-riżultat bl-iskor isir 3-3 u bil-logħba li wara l-ħin barrani saħansitra kellha tmur għall-penalties. Hemmhekk Liverpool kienu rebħu 3-2 u għalih li kien hemmhekk f’Istanbul kienet ferħa sabiħa.
Alex Grech hu gradwat u jiddeskrivi lilu nnifsu bħala student matur meta kien qed jagħmel kors tal-universita’. Għandu għal qalbu l-lingwa Maltija fejn jgħid li hemm bżonn li din il-lingwa ma tintilifx u tibqa’ tinżamm ħajja aktar milli nużaw l-Ingliż meta ma jkunx hemm bżonn.
“Importanti li l-lingwa Maltija tibqa’ għaddejja, inħobbuha u nkunu onorati li nitkellmuha. Spiss issib ġenituri li t-tfal tagħhom ikellmuhom bl-Ingliż meta dan m’għandux ikun il-kas.”
“Kelma żgħira wkoll għal min bħali jaħdem fil-qasam tax-xandir. Hu importanti li meta wieħed qed jitkellem minn wara l-mikrofonu juża l-Malti u mhux jgħawweġ jew ikisser kelma bejn Ingliż u Malti. Jien nemmen li kull xandar partikolarment ġurnalist għandu jkollu kors jew jieħu taħriġ fil-lingwa Maltija għax jiddispjaċini ngħid li xi kultant ikun hemm ħafna termini li ma jkunux f’lokhom meta jwassal l-aħbar jew inkella meta jippreżenta programm!”
Sadanittant hekk kif il-programm Reflex se jagħlaq 25 sena fuq l-istazzjonijiet Maltin, Alex Grech ħaseb sabiex jorganizza dan l-avveniment f’diskoteka partikolari fil-limiti tar-Rabat. Għal dan l-avveniment se jkun hemm Ivana Spagna bħala mistiedna fejn se tkanta uħud mid-diski li jinsabu fir-repertorju tagħha fosthom Easy Lady, Call Me u Every Girl and Boy.
“Għażilt li nistieden lil Spagna għax hi kantanta magħrufa mhux biss fl-Italja iżda wkoll f’diversi pajjiżi madwar id-dinja. Mal-ewwel kelli rispons qawwi kif ħabbart li Spagna ġejja tagħti xow f’pajjiżna. Fil-verità ilha sentejn biex tiġi hawnhekk iżda minħabba l-pandemija kellna nipposponu għal darba darbtejn.”
Insaqsu lil Alex Grech kif jirnexxielu jġib dawn il-kuntatti u eventwalment jistieden lil dawn il-personalitajiet f’Malta.
“Nista’ ngħidlek li kollox jiġi waħdu. Ġaladarba int tkun għamilt isem fix-xena tal-mużika, iġġib il-kuntatti u wara li tkellimhom, jindunaw bis-serjetà li jkun hemm.”
“Naf li ġejjin ħafna nies, saħansitra minn Sqallija li hi viċin Malta u għalhekk se jaħtfu l-opportunita’ sabiex jiġu jarawha tkanta. Dan hu sodisfazzjon kbir għalija għax se nġib kantanta li kienet ikona f’Sanremo u anke fil-qasam tal-pop fis-snin tmenin.”
Fl-aħħar nett tlabna lil Alex Grech iwassal messaġġ lil dawk it-tfal u ż-żgħażagħ li jixtiequ jilħqu Djs u jibdew idoqqu fil-postijiet ta’ divertiment imxerrda madwar Malta u Għawdex.
“Importanti li dak kollu li tagħmel, tagħmlu b’imħabba u mhux bi sforz. Nemmen li meta tidħol għal xi ħaġa, trid tara li żżomm l-impenn tiegħek. Meta int tkun hemm fuq bħala DJ importanti li tosserva l-folla u tara xi trid. B’hekk int tkun tista’ ġġib il-folla miegħek aktar u aktar meta tara lin-nies jiżfnu li dan hu ta’ sodisfazzjon kbir.”