Il-Parlament illum se jiddiskuti mozzjoni mressqa mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista dwar it-traġedja li fiha tilef ħajtu Jean Paul Sofia, iż-żagħżugħ ta’ 20 sena.
Il-każ seħħ fit-3 ta’ Diċembru 2022 fiż-Żona Industrijali ta’ Kordin.
Fost l-oħrajn, il-mozzjoni qed titlob li:
— Il-Prim Ministru jaħtar Bord ta’ Inkjesta li jkun indipendenti mill-Gvern u mill-Awtoritajiet sabiex jeżamina fost l-oħrajn jekk fiż-żmien li seħħ il-każ setgħetx ġiet evitata l-mewt taż-żagħżugħ u jekk hemm xi miżuri li jistgħu jidħlu fis-seħħ sabiex ikun regolat is-settur tal-kostruzzjoni bil-għan li jkun hemm qafas regolatorju li jipprevjeni ċertu riskji li jistgħu jwasslu għal xi traġedja.
— Li l-inkjesta ssir fil-pubbliku u tixxandar b’mod awdjoviżiv fuq l-internet, però jekk fil-fehma tal-Bord tal-Inkjesta jkun hemm ċirkostanzi fejn iqisu li hu meħtieġ li għandhom jitmexxew xi seduti partikolari fil-magħluq jew li jiġu imposti restrizzjonijiet fuq l-iżvelar jew il-pubblikazzjoni ta’ kull dokument / xhieda li tkun ġiet aċċessata waqt l-istess inkjesta minħabba raġuni ta’ kunfidenzjalità, jista’ jsir dan jekk il-kunfidenzjalità tal-investigazzjonijiet/informazzjoni tkun protetta bil-liġi.
— Li r-rapport mill-Bord tal-Inkjesta jiġi preżentat lill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati u li jkun ippubblikat immedjatament u b’mod sħiħ mill-Iskrivan tal-Kamra.
Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru ilu jsostni li diġà hemm inkjesta għaddejja li għandha l-għodod kollha biex tistabbilixxi x’ġara f’dan l-inċident.