Thursday, November 14, 2024

Illiberat li seraq id-dawl minn ħanut tax-xagħar

Aqra wkoll

Francis Vassallo ta’ 67 sena minn Ħal Għaxaq ġie lliberat wara li appella mis-sentenza li kien ingħata hekk kif kien instab ħati li seraq l-elettriku minn ħanut tax-xagħar li kien mikri għand terzi.

Kien f’April tas-sena l-oħra meta Vassallo kien tressaq il-qorti mixli fost l-oħrajn li seraq b’eluf ta’ ewro f’konsum tal-elettriku għad-dannu ta’ Louisa Cesare u John Paul Cesare.

Dakinhar il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech kien intqal li l-akkużat kien għadda xi wires mix-xaft tal-ħanut għall-garaxx tiegħu. Hu kien akkużat li kien qed jisraq id-dawl mill-imsemmi ħanut. Skont dak li kien ippreżentat fil-Qorti, Vassallo kellu l-appartament tiegħu eżatt fuq il-ħanut li kien mikri lill-koppja Cesare.

Fis-sentenza tagħha l-Maġistrat Frendo Dimech kienet għamlet kritika qawwija lill-pulizija minħabba l-mod kif kienu investigaw il-każ fejn kienet qalet li mhux sew li tefgħu ir-responsabbiltà fuq il-vittmi biex ikunu huma li jressqu l-provi. Fil-Qorti kien ħareġ li l-Pulizija qatt ma kienu marru fuq il-post fejn jaraw verament dak li kien qed ikun allegat mill-vittmi.

Iżda fl-istess waqt, li l-Qorti kienet sabitu ħati li seraq l-elettriku b’dannu għall-koppja Cesare, il-Maġistrat kienet qalet li fl-ebda ħin ma ġie pprovat kemm kien l-ammont misruq.

Vassallo kien ġie kkundannat 15-il xahar ħabs sospiżi għal 3 snin waqt li ordnatlu jħallas €1,177 fi spejjeż tal-esperti mqabbdin mill-Qorti.
Permezz tal-avukati tiegħu, Vassallo appella mis-sentenza fejn sostna li l-Qorti kienet għamlet apprezzament ħażin tal-fatti u li s-sentenza kienet iebsa wisq.

Fir-rikors tal-appell hu qal li l-Pulizija ma għamlitx dmirha kif suppost u ma elevatx l-aqwa prova għax li kieku marru fil-ħanut tal-allegat vittmi kienu jkunu jistgħu jivverifikaw jekk l-apparta imsemmi fil-ħanut kienx effettivament mitfi.

Il-Qorti tal-Appell analizzat il-kont tal-ilma u d-dawl ta’ Vassallo kemm qabel id-data ta’ qabel l-allegat każ u anke wara. Il-Qorti, permezz tal-Imħallef Neville Camilleri sabet li l-kont kienu pjuttost simili.

L-Imħallef Neville Camilleri fis-sentenza qal li mill-rovi mressqa ma jirriżultax li l-konsum tal-elettriku tal-appellant żdied u għalhekk kien hemm lakuna fil-provi mressqa mill-Prosekuzzjoni.

Kien għalhekk li l-Qorti tal-Appell laqgħet it-talba ta’ Vassallo u ħassret is-sentenza. L-Imħallef Camilleri ħelew lill-akkużat minn kull akkuża u ħassar kull ħtija u piena.

Ekonomija

Sport