Raġel ta’ 41 sena residenti San Ġiljan kien illiberat mill-akkużi li darab ħafif raġel ieħor f’Tas-Sliema u dan wara li l-Qorti sabet li ma kinux tressqux biżżejjed provi.
Gordon Bilbija kien tressaq il-Qorti mixli li nhar it-22 ta’ Mejju 2022, f’Tas-Sliema, ikkawża ġrieħi ħfief fuq raġel u li għamel ħsara fil-proprjetà ta’ ħaddieħor. Huwa kien wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba fil-konfront tiegħu.
Fis-seduta tad-Distrett ta’ Tas-Sliema nstema’ kif dan il-każ jirrigwardja “road rage incident” fejn l-imputat kien passiġġier f’karozza li kienet qed tiġi misjuqa mill-mara tiegħu.
Il-karozza kienet ħierġa minn triq biex tmur fi triq prinċipali bil-konsegwenza li kien imblukkat it-traffiku li kien ġej f’din l-istess triq, inkluż mutur li kien qed jiġi misjuq mill-allegat vittma. Sussegwentement inqala’ argument, bl-allegat vittma jsofri ġrieħi ħfief u anke sarlu ħsara fin-nuċċali tiegħu.
Mart l-imputat xehdet fil-Qorti kif waqt li kienet qed tipprova ddawwar fuq ix-xellug, mutur waqaf quddiem il-karozza bil-konsegwenza li kellha tieqaf hi wkoll. Qalet li stenniet biex il-mutur jibqa’ għaddej iżda s-sewwieq baqa’ fejn kien u allegatament uża kliem mhux xieraq fil-konfront tagħha.
Tgħid li hi talbet lir-raġel tagħha biex jintervjeni, li dan ħareġ mill-karozza u mar ikellem lis-sewwieq tal-mutur waqt li hija pprovat tirriversja u ċċaqlaq il-karozza minn fejn kienet. Qalet ukoll li ma kienet rat l-ebda konfront fiżiku waqt li kienet qed issuq il-karozza.
Min-naħa tiegħu, l-allegat vittma f’dan il-każ qal li waqt li kien qed isuq il-mutur mill-mina ta’ Tigné, huwa evita li jkun involut f’inċident ma’ karozza li kienet għamlet manuvra ħażina. Jgħid li għalkemm irnexxielu jieqaf, huwa kien fi stat ta’ xokk.
Qal li dak il-ħin, raġel ħareġ mill-karozza u allegatament tah daqqtejn ta’ ponn f’wiċċu waqt li kien għadu fuq il-mutur. Jgħid li d-daqqiet kienu b’saħħithom u anke kien inkisirlu n-nuċċali. Qal ukoll li kien kiseb filmat minn xufier tat-taxi li nzerta wkoll ra l-inċident u għaddieh lill-pulizija. Huwa għaraf lill-imputat fl-awla bħala l-persuna li allegatament kien ħebb għalih.
Id-Difiża kienet argumentat fil-Qorti li ma kienx ġie ppreżentat ċertifikat mediku tal-ġrieħi li sofra l-allegat vittma, bil-Qorti preseduta mill-Maġistrat Kevan Azzopardi tgħid li minħabba f’dan in-nuqqas, il-Prosekuzzjoni kienet naqset milli tipprova l-ewwel akkuża.
Dwar it-tieni akkuża, il-Qorti kkunsidrat li n-nuqqas ta’ provi fir-rigward tal-allegati danni li sofra l-allegat vittma, kien joħloq dubji dwar jekk fil-fatt kinux ġew sofferti xi danni.
Kien għal dawn ir-raġunijiet li l-Qorti ma sabitx lill-imputat ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u b’hekk illiberatu.
L-Avukat Silvan Pulis assista lill-imputat Gordon Bilbija.

