Il-Qorti laqgħet l-appell imressaq minn Winston Lee Diacono, raġel ta’ 28 sena, u rrevokat is-sentenza li ngħata iktar kmieni din is-sena.
Fl-Ewwel Qorti, Winston kien ġie akkużat li nhar it-23 ta’ Frar tal-2017, għall-ħabta tal-4:30 p.m., fi Triq l-Imdina Ħal Qormi, wettaq ġrieħi gravi fuq raġel ta’ 60 sena.
Huwa ġie mixli wkoll li saq vettura b’mod perikoluż u li saq b’veloċità eċċessiva.
Fit-2 ta’ Mejju li għadda, il-Qorti tal-Maġistrati sabet lill-imputat ħati tal-ewwel żewġ akkużi. Huwa weħel multa ta’ €2,000, ittiħditlu l-liċenzja tas-sewqan għal 15-il jum u weħel penali ta’ 8 punti fuq il-liċenzja tas-sewqan.
Huwa appella mis-sentenza fejn talab lill-Qorti sabiex tiġi riveduta l-piena. Fl-appell huwa qal li fl-ebda ħin ma’ saq b’mod perikoluż u qal ukoll li huwa saq b’veloċità normali, u li l-multa li ngħata kienet qawwija.
Il-Qorti tal-Appell Kriminali, ippreseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, tat ir-raġun lill-appellant minħabba li l-akkużi miġjuba kontrih ġew preskritti. Kien għalhekk li filwaqt li laqgħet it-talba tal-appellant, bidlet is-sentenza u lliberatu minn kull akkuża. Fl-istess waqt, irrevokat ukoll is-sospensjoni mogħtija mill-Ewwel Qorti u t-tmien punti fuq il-liċenzja.