Il-Qorti tal-Appell Kriminali lliberat raġel mill-akkużi li kkaġuna l-mewt ta’ għaddasa lura fl-2020, wara li nnotat kif huwa kien għamel dak kollu raġjonevolment li kien mistenni minnu fiċ-ċirkostanzi.
F’Novembru li għadda, Arthur Castillo ta’ 60 sena minn Tas-Sliema, kien instab ħati li kkawża l-mewt ta’ Christine Gauci b’negliġenza waqt li kienu qed jogħdsu f’Imġarr ix-Xini f’Għawdex f’Jannar tal-2020.
L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, li semgħet l-appell tar-raġel, qalet li dan il-każ ma jistax ikun ibbażat fuq in-negliġenza min-naħa ta’ Castillo. Intqal li huwa ma kienx qed jaġixxi bħala instructor tal-vittma iżda kienu ħbieb li marru jogħdsu flimkien u li għamlu dan kemm-il darba.
L-Imħallef qalet ukoll li Castillo assista lill-vittma fl-intoppi li sabet fl-ilma u li qabel niżlu jgħodsu għamel il-verifiki kollha neċessarji. Innotat li kieku pprova jsegwiha meta sparat ‘il fuq, “kien ikun hem żewġ fataljiet, mhux waħda”.
Kien għalhekk li filwaqt li saħqet li Castillo ma kienx negliġenti u li għaldaqstant ma setax jevita dan l-inċident, illiberatu minn kull ħtija.