Wara l-azzjoni li ttieħdet mill-Franċiżi fl-10 ta’ Septembru, liema azzjoni wasslet għal imblokk ta’ għadd ta’ toroq u atterjii prinċipali flimkien ma’ tensjoni kbira fil-kapitali Pariġi, illum Franza mistennija tkun paralizzata hekk kif ġie msejjaħ strajk ġenerali. Dan qiegħed isir kontra l-miżuri ta’ awsterità li jrid idaħħal il-gvern Franċiż u kontra l-inugwaljanza fiskali.
Dan l-istrajk ġenerali mistenni jipparalizza lill-pajjiż u dan hekk kif is-servizzi tal-ferrovija, tal-metro, tal-karozzi tal-linja u tal-ajru huma mistennija li jiġu affettwati b’mod drastiku.
Id-dimostrazzjonijiet tal-10 ta’ Settembru, imsejħa “Bloquons Tout” – “imblokka kollox”, raw imblokki fit-toroq, tfixkil fis-servizzi tal-ferroviji u ġemgħat tal-massa madwar il-pajjiż. L-awtoritajiet użaw aktar minn 80,000 persunal tas-sigurtà hekk kif ċentri ewlenin tat-trasport bħal Paris Gare du Nord esperjenzaw għeluq u ffullar kbir. Il-protesti ma kienux immexxija mit-trade unjins iżda kkawżaw dewmien sinifikanti fuq is-servizzi tal-ferrovija fost oħrajn.
Strajk imsejjaħ mill-koalizzjoni ewlenija tat-trade unjins
L-istrajk nazzjonali tal-lum ġie msejjaħ mill-koalizzjoni ewlenija tat-trade unjins ta’ Franza, l-Intersyndicale. L-azzjoni se tinvolvi t-trade unjins tal-ferroviji CGT-Cheminots, CFDT-Cheminots u Unsa Ferroviaire, flimkien ma’ erba’ trade unjins dik ta’ RATP ta’ Pariġi li jirrappreżentaw lill-ħaddiema tal-metro, tat-tram u tal-karozzi tal-linja. Huwa mistenni tfixkil mifrux fuq is-servizzi tat-TGV, tat-TER, tar-RER u tal-ferrovija tal-passiġġieri kif ukoll fuq it-trasport urban fil-kapitali.
Is-Syndicat National des Contrôleurs du Trafic Aérien (SNCTA), it-trade unjin ewlenija tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru, ħabbret ukoll il-parteċipazzjoni. Dan iżid il-probabbiltà ta’ dewmien u kanċellazzjonijiet f’ajruporti inklużi Paris-Charles de Gaulle u Paris-Orly, b’effetti sekondarji għal titjiriet Ewropej u fuq distanzi twal li jgħaddu mill-ispazju tal-ajru Franċiż.
Għal dan l-istrajk nazzjonali ġew flimkien diversi unjins fosthom is-CGT, CFDT, FO, FSU, Sud, Solidaires, CFTC, CFE-CGC.