Saturday, November 23, 2024

“Illum għeluq snin bintu l-kbira, suppost niċċelebraw imma qed nibku t-telfa ta’ missierha”

Aqra wkoll

Miktub Minn Maria Azzopardi

“Hija bħal sajjetta fil-bnazzi li qatt ma stennejna li se tiġri, speċjalment f’dawn il-mumenti tant diffiċli minħabba din il-pandemija li għaddejjin minnha. Iz-ziju kien persuna mimli ħajja, kuraġġ, saħħa, persuna b’karezzi sbieħ, dejjem lest biex ikun hemm u jgħin lil ħaddieħor. Niftakru jgħidli li meta nlesti mill-istudji tiegħi, kien ikun l-ewwel klijent tiegħi li nieħu ħsieblu kollox fejn jidħlu finanzi għax jemmen ħafna fija li nasal u nikseb dawk is-sagrifiċċji li tant ħdimt għalihom. Xtaqt li kellu ċ-ċans li jiltaqa’ mal-membru l-ġdid tal-familja tiegħi li għadha kemm twieldet imma l-Mulej għoġbu jsejjaħlu kmieni.”

Hekk qalet Yasmin, in-neputija ta’ Frank Aloisio f’kummenti ma’ inewsmalta. Sfortunatament iz-ziju tagħha kien involut f’inċident tat-traffiku lbieraħ għall-ħabta tas-6.15p.m. fi Triq il-Kosta, Baħar iċ-Ċagħaq direzzjoni lejn San Pawl il-Baħar. Fuq il-post issejjaħ tim mediku li ta l-ewwel għajnuna imma sfortunatamanet, ir-raġel ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post mit-tabib tal-emerġenza. Minn investigazzjonijiet preliminari li saru rriżulta li għal xi raġuni l-vittma tilef il-kontroll tal-mutur li kien qed isuq tat-tip Honda VT750 u waqa’.

“Xtaqt li kellu ċ-ċans li jiltaqa’ mal-membru l-ġdid tal-familja tiegħi li għadha kemm twieldet imma l-Mulej għoġbu jsejjaħlu kmieni”

Yasmin

Yasmin qalet li hija l-kbira min-neputijiet il-bniet u z-ziju tagħha dejjem kien persuna għażiża għaliha u għall-familjari tagħha. “Konna dejjem fil-qrib ta’ xulxin u dejjem kien lest li jkun ta’ widna u spalla f’dak kollu li kien meħtieġ. Għandna ħafna memorji sbieħ li ma ninsa qatt, ibda minn dawk ta’ tfuliti fejn rani nikber, nitrabba u nsir il-mara li jien illum. Dejjem kien jinżel fil-livell tagħna anke jekk kien ikun għajjien wara ġurnata xogħol. Konna nsiefru u nżuru lilu u l-famijari tiegħi kważi ta’ kull sena,” qalet Yasmin.

“Bkejna flimkien ukoll għat-telfa ta’ membri oħrajn tal-familja li laħqu ħallewna u llum qed nibku tiegħu. Bħal donnu qalbi ħebbritni li din id-darba kien imiss membru familjari tagħna. Huwa dejjem stinka u ħadem għall-familjari għax il-familja hija tant għażiża għalih. L-unika żewġ dispjaċiri li għandi li warajh ħalla mara tant ddedikata għall-familja li t-tnejn kienu jgħożżu, żewġ anġli l-ġmiel tagħhom, omm u aħwa mbikkma, familja u ħbieb,” qalet Yasmin filwaqt li sostnet li se tibqa’ tgħożż kull memorja għal dejjem u żżonn f’qalbha dik it-tbissima li dejjem kellu fuq fommu. Frank kien iħobb ħafna l-annimali u kien membru fil-club tal-ħamiem kemm f’Malta kif ukoll fl-Ingilterra. 

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Nadine Lia li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti biex jassistuha. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett.

Sport