Saturday, November 23, 2024

Illum hija l-festa tal-Qaddisa Corona; Il-Kattoliċi jitolbu lill-patruna ta’ kontra l-pademiji biex twaqqaf il-Coronavirus

Aqra wkoll

Minn CARMEN CACHIA

L-14 ta’ Mejju huwa l-jum li fih hija ċċelebrata l-festa ta’ Santa Corona, il-patruna li tħarisna mill-pandemiji. L-isem ta’ din il-qaddisa “Corona” huwa wkoll l-isem li bih huwa l-aktar huwa magħruf il-virus preżenti li ħakem lid-dinja kollha – il-Coronavirus (Covid-19). B’aktar minn erba’ miljun infezzjonijiet ikkawżati minn dan il-virus, li rriżulta fatali għal kważi 300,000 ruħ, il-popli madwar id-dinja qegħdin jittamaw li din il-pandemija tieqaf u fil-jum tal-lum ħafna qegħdin jitolbu lil Santa Corona għal dan il-miraklu.

Il-Covid-19 oriġina miċ-Ċina f’Diċembru tas-sena l-oħra u f’leħħa din it-tifqigħa nfirxet mal-pajjiżi kollha madwar id-dinja. Gvernijiet lokali u awtoritajiet tas-saħħa jinsabu f’battalja ma’ għadu inviżibbli li qiegħed jhedded mhux biss is-saħħa taċ-ċittadini tagħhom, iżda anke l-ekonomiji lokali li qegħdin iwasslu għal instabbiltà internazzjonali sħiħa. B’miżuri ta’ lockdowns, għeluq ta’ ajruporti, skejjel u postijiet pubbliċi, fost l-oħrajn, it-tixrid ta’ dan il-virus jidher li huwa kkontrollat, iżda ta’ kuljum għad hemm eluf ta’ każijiet ta’ infezzjonijiet ġodda f’diversi pajjiżi.

“Santa Corona, itlob għalina!”

Ħafna Kattoliċi madwar id-dinja qegħdin ifittxu faraġ u tama f’dan il-jum tal-festa titulari ta’ din il-qaddisa b’tama li tieqaf it-tifqigħa u li tinsab kura. F’perjodi diffiċli bħal dawn, fejn il-bniedem jispiċċa għarkopptejh quddiem theddida bħal din, id-disprament u l-biżgħa minn sitwazzjonijiet bħal dawn iwasslu biex ħafna nies iduru għall-ħniena divina. Hekk qiegħed iseħħ f’dan il-perjodu, b’mod partikolari llum li taħbat il-festa ta’ Santa Corona, il-patruna ta’ kontra l-pandemiji li sa ftit ilu, ftit nies kienu jafu li teżisti.

Il-qaddisa Corona, li l-fdalijiet tagħha jinsabu f’Anzu fl-Italja, hija martri fil-lista tal-Knisja Kattolika flimkien ma’ San Victor, ir-raġel li minħabba li talbet għalih, sfat maqtula għax inkixfet li hija tħaddan ir-reliġjon Kattolika.

Il-qtil ta’ din il-patruna protettriċi kontra l-pandemiji kien wieħed kiefer fejn minħabba l-fidi tagħha imħallef Ruman bl-isem ta’ Sebastian, ordna l-eżekuzzjoni tagħha. It-tfajla ta’ 16-il sena, bl-isem ta’ Corona, sfat marbuta bejn żewġ naħat ta’ siġar ta’ palmi li s-suldati baxxew u wara li telquhom f’daqqa, il-ġisem tagħha nqasam fi tnejn. 

Santa Corona nqatlet 170 A.D. fi żmien ir-reġim ta’ Marcus Aurelius. Qaddisin oħra assoċjati ma’ mard u perjodi diffiċli huma San Ġuda; San Anthony tal-Eġittu; San Edmund; l-erbatax qaddisa li jgħinu fosthom San Blaise, San Kristoforu u Santa Margerita; kif ukoll Santa Marianne Cope.

Sport