Il-kjuwijiet kbar u twal ta’ nies li sal-bieraħ kien għadhom jinħolqu tul it-triq li twassal għal Bażilika ta’ San Pietru fil-belt tal-Vatikan, hija turija ċara ta’ kemm il-Qdusija Tiegħu Papa Franġisku kien maħbub min-nies, għax kien papa li jirrelata man-nies.
Il-folla kbira fit-triq prinċipali, ħafna drabi, kellha tistenna sigħat sħaħ, anki sitt sigħat, biex tidħol fil-Bażilika biex tara u tagħti l-aħħar tislima lill-Papa Franġisku. Saħansitra grupp ta’ tfajliet adoloxxenti bdew ikantaw l-Ave Marija waqt li kienu qed jistennew fil-kju.
Ħafna nies kienu anzjużi biex jaslu fuq quddiem tal-kju fil-ħin, hekk kif ilbieraħ kien l-aħħar ċans li jagħtu lill-Qdusija Tiegħu l-aħħar tislima qabel ma jingħalaq it-tebut tal-Papa u jingħata bidu għall-funeral tiegħu llum filgħodu.
Għal ħafna min-nies, il-funeral ta’ Papa Franġisku kien xi ħaġa bla mistenni billi kienu diġà Ruma għall-kanonizzazzjoni taż-żagħżugħ Carlo Acutis, li issa ġiet sospiża sakemm jinħatar Papa ġdid.
Il-Vatikan qed jistma li s’issa aktar minn 50,000 persuna sellmu lil katavru tal-Papa, tant li l-Bażilika ta’ San Pietru baqgħet miftuħa matul il-lejl għax ħafna kienu għadhom fil-kju. Il-bieraħ filgħodu, l-aħħar jum li fiħ il-katavru ta’ Franġisku kien espost għal qima tal-pubbliku, il-folla tant kienet kbira li wħud kellom iduru lura.
Għaċ-ċelebrazzjoni tal-funeral tal-lum, qed jiġi mbassar waħda mill-akbar folol preżenti fi Pjazza San Pietru, li mistennija tiżboq il-250,000 bejn pellegrini kattoliċi u turisti.
Sadanittant, l-Eċċellenza Tagħha l-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono lbieraħ ħalliet Malta għall-Vatikan, fejn se tattendi għaċ-ċerimonja uffiċjali tal-funeral tal-Qdusija Tiegħu Papa Franġisku.
Il-President mistennija tirritorna Malta għada. Matul il-perjodu li l-President tkun barra minn Malta, Dr Anġlu Farrugia, Speaker tal-Kamra tad-Deputati, se jservi bħala Aġent President.
L-Arċisqof Charles Scicluna lbieraħ ukoll ħalla Malta sabiex illum jieħu sehem fil‑quddiesa tal‑funeral tal‑Qdusija Tiegħu l‑Papa Franġisku, li se ssir fl‑10.00 a.m. fi Pjazza San Pietru fil-Vatikan.
L‑Arċisqof Scicluna se jirrappreżenta l‑Konferenza Episkopali Maltija u se jingħaqad flimkien ma’ patrijarki, kardinali, arċisqfijiet, isqfijiet u saċerdoti oħra mid-dinja kollha li huma mistiedna jikkonċelebraw f’din iċ‑ċelebrazzjoni tal‑Ewkaristija.
Il‑quddiesa tal‑funeral tal‑Papa Franġisku se tkun ippreseduta mill‑Kardinal Giovanni Battista Re, id‑Dekan tal‑Kulleġġ tal‑Kardinali.
Il‑Knisja f’Malta ngħaqdet mal‑Knisja Universali u raddet ħajr lill‑Mulej għall‑ħajja tal‑Papa Franġisku u s‑servizz u l‑missjoni tiegħu lejn il‑Poplu ta’ Alla.