Saturday, December 21, 2024

“Illum il-ġurnata nbidlet il-mentalità ta’ kif jindaqq il-vjolin”

Kathy Mercieca, vjolinista ewlenija f’pajjiżna

Aqra wkoll

Kathy Mercieca twieldet fil-Pieta’ fil-5 ta’ Diċembru 1984 u llum il-ġurnata għandha 37 sena. Hi magħrufa ħafna għad-daqq tal-vjolin, strument mużikali li tlaqqmu bħala wieħed maġiku u li jaffaxxinaha.

Sa minn meta kienet għadha żgħira, ommha kienet toħodha l-knsija magħha u hemmhekk kienet tara l-quddiesa kantata li kien ikollha wkoll fost l-oħrajn id-daqq tal-vjolini. Meta kellha erba’ snin rat din l-orkestra u dik is-sinfonija li kienet qed toħroġ minn dawn l-istrumenti verament saħħarha. Kien hawn li ċ-ċkejkna Kathy kellha xewqa waħda; dik li titgħallem sew iddoqq dan l-istrument.

Kien hawn meta hi bdiet l-istudji tagħha ma’ Maestro Callus sakemm baqgħet għaddejja sal-eżami grad 7 ma’ Stephen Debattista sa ma ħadet il-grad finali ma’ Marcelline Agius.

Kien hawn ukoll fejn Kathy Mercieca kienet bdiet tifforma parti mill-orkesta nazzjonali. Xi ħaġa li ma tinsiex żgur hu proprju l-kunċert kbir li pparteċipat flimkien mal-grupp Airport Impressions kif ukoll is-sehem tagħha fil-Eurovision Song Contest 2016 u l-ftuħ uffiċjali tal-Eurovision 2018. 

Talk.mt ikkuntattja lil Kathy Mercieca fejn tkellimna dwar il-karriera passata tagħha, dik preżenti kif ukoll x’taħseb dwar il-ġejjieni tagħha.

“Inħoss li l-mużika qiegħda fid-demm tal-familja tagħna. Ommi kienet iddoqq il-vjolin, missieri kien maestro u n-nanna kienet tagħmel ix-xow tal-karnival. Jien mingħajr ma ridt tlajt inħobb il-mużika u u hawn jien qiegħed indoqq il-vjolin!”

Illum il-ġurnata, Mercieca tgħallem il-vjolin minħabba li kif tgħid hi tixtieq titrażmetti l-imħabba li għandha lejn il-mużika lill-istudenti tagħha. Meta mbagħad tara li l-istudenti tagħha jkunu tgħallmu u rnexxew, is-sodisfazzjon li tħoss hu kbir.

Saqsejna lil Mercieca dwar it-tibdiliet li rat fl-istil tal-mużika tal-vjolin matul dawn l-aħħar snin.

“Naħseb li llum il-ġurnata nbidlet il-mentalita’ ta’ kif jindaqq il-vjolin. Qabel kulħadd kien jiffoka sabiex b’dan l-istrument idoqq mużika klassika filwaqt li issa qed naraw strument aktar versatili fejn il-vjolinisti qed idoqq anke ma’ Djs u gruppi mużikali oħra. Jien naraha li dan hu pass ‘il quddiem fuq kif inħarsu lejn il-vjolin. Qabel iktar konna nassoċjawh ma’ persuni ta’ eta’ ‘il fuq minn 50 sena. L-istil qed jinbidel u sa fl-aħħar qed naraw żgħażagħ li qed japprezzaw mużika differenti.”

Mercieca tgħid li tieħu gost twassal mużika differenti għaż-żgħażagħ aktar u aktar meta hi tkun mistiedna f’xi avveniment f’xi diskoteka, f’xi festa jew inkella f’xi tieġ.

“Nixtieq nara lil dan l-istrument ikun aktar preżenti mhux biss f’xi kunċert klassiku iżda anke f’avvenimenti oħra. Dan l-istrument hu wieħed maġiku u sabiħ ferm iżda fl-istess waqt ma rridux inneħħulu l-lat serju tiegħu.”

Hi semmiet lil Andre Rieu, vjolinist magħruf mill-Olanda u maestro wkoll fl-Orkesta Johann Strauss. Tgħidilna li hi tiġi ispirata sew minnu u għalhekk tipprova tisma’ l-mużika tiegħu sabiex dejjem ittejjeb il-livell tagħha.

Kathy tgħidilna li hemm bżonn li f’Malta tingħata aktar importanza lejn il-kultura u l-arti minħabba li bħala gżira limitati ferm fejn għandu x’jaqsam mużika. Tixtieq li artist, kantant u anke mużiċisti jkunu aktar stmati għax għandhom potenzjal kbir dejjem meta jingħataw iċ-ċans. Tixtieq ukoll li jkun hemm aktar avvenimenti kulturali fejn l-istess mużiċisti jingħataw iċ-ċans juru dak li jafu.

Iżda x’inhuma l-biċċiet tal-mużika li Kathy Mercieca tħobb tisma’?

“Jien inqis ruħu bħala waħda moderna fejn għandu x’jaqsam għażla mużikali u żgur li nagħżel diski tas-snin tmenin, disgħin u anke tal-bidu tas-snin elfejn. L-iktar żewġ kantanti li jispirawni huma Freddie Mercury, il-kantant mill-grupp Queen u Michael Jackson li kumbinazzjoni t-tnejn li huma m’għadhomx magħna.”

Iżda hemm imbagħad xi kompożitur klassiku li hi tħobb tisma’?

“Bla dubju li ma nistax ma nsemmilekx lil Johann Sebastian Bach, lil Ludwig Van Beethoven u Wolfgang Mozart. Madankollu nammetti li ma tantx jien fanatika tal-opri. Kulħadd għandu l-gosti tiegħu!”

Kathy titkellem dwar l-isbaħ esperjenza tagħha meta ħadet sehem fil-Malta Eurovision 2016 ma’ Lawrence Gray bil-kanzunetta You’re Beautiful. Kienet xi ħaġa kbira għaliha li tagħmel il-wirja tagħha quddiem numru kbir ta’ spettaturi. Kienet ukoll onorata meta fetħet il-Malta Eurovision Song Contest tal-2018 filwaqt li semmiet ukoll il-kunċert flimkien mal-grupp Airport Impressions bħala wieħed memorabbli.

Iżda Kathy ġieli ħasbitha sabiex tmur tgħix barra minn Malta u taqla’ x’tiekol mill-mużika?

“Iva u le! Iva għax barra minn Malta hemm ħafna opportunitajiet u żgur li biż-żmien u jekk tirsisti tagħmel suċċess kbir. Jien nista’ nsemmilek pajjiż viċin tagħna l-Italja li dejjem ikun hemm xi ħaġa li fiha jiġu nvoluti l-mużiċisti. Biżżejjed insemmillek żewġ programmi televiżivi ferm segwiti Amici u anke l-Festival ta’ Sanremo fejn hemmhekk litteralment għandek orkestri sħaħ li jdoqqu għal kull kanzunetta li tieħu sehem.”

“Madankollu hemm dik il-le! Hawnhekk għandi l-familja tiegħi u għalhekk naraha xi ftit bi tqila biex inħalli warajja n-nies li tant inħobb.”

Domanda oħra li ħarġet spontanja hi kif jirnexxielha tlaħħaq max-xogħol u mal-mużika. Hi tgħidilna li l-passjoni li għandha lejn il-mużika ġġiegħlha tagħmel sagrifiċċji kbar u tipprova tlaħħaq ma’ kollox billi torganizza ħinha kif suppost. 

Kif qed tara l-futur tagħha?

“Jien qed nara li jkolli aktar opportunitajiet li ndoqq f’diversi avvenimenti, xi ħaġa li verament inħobb nagħmel. Mhux xi waħda li nħobb nippjana fit-tul anzi nħobb ngħix ġurnata b’ġurnata.”

Hi tgħidilna wkoll li kieku ma kinitx vjolinista, kienet taqbad il-karriera fid-drama, settur li verament jaffaxxinaha.

Finalment Kathy Mercieca xtaqet twassal messaġġ lil dawk it-tfal u ż-żgħażagħ li jixtiequ jaqbdu karriera mużikali.

“Minkejja li mhux kollox ikun ward u żahar, qatt m’għandek taqta’ qalbek, trid temmen fik innifsek u kollox jiġi waħdu.”

Ekonomija

Sport