Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-immudellar?
L-imħabba bdiet minn meta mort nara lill-kuġina tiegħi Shanna li ħadet sehem f’konkors tal-immudellar. Hi kienet qed turini kif għandi nimmudella wkoll. Minn hemm staqsejt lill-ġenituri tiegħi biex iddaħħalni għall-immudellar.
Kif tħossok ta’ età żgħira daqshekk timmudella?
Inħossni tajba ħafna u ferħana. Jien l-ewwel ġurnata li ltqajt ma’ Ivan Gaffiero lanqas ridt inħares lejn għajnejh bil-mistħija u llum il-ġurnata rabbejt il-kunfidenza. Tant hu hekk li xħin nitla’ fuq il-palk jew kif nafuh il-catwalk, titlaqli l-mistħija kollha.
Kif tqis ix-xena tal-immudellar f’pajjiżna?
Nemmen li jekk tieħu l-immudellar bis-serjetà, ikollok futur u tista’ tikber kemm f’Malta kif ukoll barra minn xtutna.
X’tikkummenta fuq l-aħħar unur li rbaħt fil-jiem li għaddew?
Jien ilni nimmudella erba’ xhur biss iżda ħadt sehem fi tliet konkorsi u irbaħt Miss Little Princess 2024. Mill-banda l-oħra f’Miss Elegant ġejt fit-tieni post u irbaħt Miss Star of Christmas li kien l-akbar konkors tal-Milied f’Malta. Kont ferħana fejn lanqas jien stess ma nista’ niddeskrivi l-ferħ li kelli xħin smajt ismi Angelle Brincat. Kien hemmhekk li nfqajt nibki. Nixtieq ukoll ngħid grazzi kbira lill-mentor tiegħi Sue Rossi tal-paċenzja li tieħu bija.
Kif tqis ix-xena tal-immudellar f’pajjiżna fil-preżent?
Ġewni ħafna opportunitajiet minn mindu rbaħt it-titlu ta’ Miss Star of Christmas . Mort ukoll f’żewġ programmi tat-televixin li għalija dawn kienu jfissru ħafna u li fil-futur tiegħi nemmen li jista’ jkolli karriera.
X’tikkummenta fuq Gaffiero Productions?
Jien ħaġa waħda biss ngħid. Imnalla kienu Gaffiero Productions għalija speċjalment Ivan Gaffiero. Kien hu li ħeġġiġni sabiex minn età żgħira nagħmel dak li qed nagħmel. Li kieku ma kienx hu u bil-kuraġġ li tani, żgur li ma kontx nasal biex nitla’ fuq dak il-palk. Ma nistax ninsa lanqas lil Tiziana tal-opportunitajiet kbar li tat lili u lit-tfal l-oħra tal-età tiegħi.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-immudellar?
Jien inħares ’il quddiem u nibqa’ nistinka għax la nikber nixtieq insir mudella u nidħol għall-konkorsi kbar li jirrappreżentaw lil Malta.
Għaddi messaġġ lil dawk il-bniet speċjalment ta’ età żgħira li jixtiequ jibdew jimmudellaw.
Il-messaġġ tiegħi huwa li m’għandkom taqtgħu qalbkom qatt u għamlu dak li tixtiequ tagħmlu u ejjew ingħaqdu mal-familja kbira ta’ Gaffiero Production sabiex tibdew il-karriera tagħhom hawnhekk.
L-aħħar ħaġa li nixtieq ngħid hu dak li normalment tgħidli ommi.
You win or you lose, you have to be proud of yourself and I’m always proud of you sweetheart. – Tirbaħ jew titlef, int għandek tkun kburija bik innifsek u jien dejjem kburija bik qalbi.
Għalhekk xtaqt inwassal dan il-messaġġ lit-tfal sabiex jagħmlu kuraġġ u jippruvaw l-immudellar li jagħtik ħafna sodisfazzjon.