Fl-Arka ta’ Noe bejn il-11.00am u l-4.00pm se jkun hemm ‘il-festa tal-anġli” fejn Anton Cutajar is-sid tal-post qal li “nixtieq lil min ħassu mweġġa’ jaħfer lil dik il-persuna li qalet dak il-kliem kontra it-tfal tagħkom.”
Aktar kmieni din il-ġimgħa Anton Cutajar iddikjara li “intkom li għandkom persuni b’diżabbiltà tidħlu b’xejn intkom u l-anġli tagħkom”.
Cutajar stieden lill-familji kollha li għandhom ulied b’diżabbiltà biex illum il-Ħadd imorru jqattgħu ħin igawdu l-post tiegħu mingħajr ħlas. “Dawn il-ġenituri min jgħinhom iridu mela min ikissirhom”, tenna Cutajar.
Din mhix l-ewwel darba li Anton qiegħed juri dan il-ġest tant sabiħ hekk kif minn żmien għal żmien huwa jorganizza attivitajiet minn butu b’risq diversi għaqdiet ta’ karità, speċjalment dawk li jgħinu t-tfal.
Fi żmien il-pandemija huwa kien għamel diversi live videos jirringrazzja lill-frontliners kollha li kienu qegħdin jaħdmu mal-poplu Malti u Għawdxi kollu u mal-ewwel perjodu li fih bdew jonqsu r-restrizzjonijiet u bdew jitlaqqgħu n-nies huwa organizza dak li kien ilu jwiegħed, ġurnata speċjali għal dawn il-frontliners u l-għeżież tagħhom f’forma ta’ ringrazzjament mingħand il-poplu kollu.