Monday, September 8, 2025

Illum issir ir-Regatta Nazjonali fil-Port il-Kbir

Aqra wkoll

Illum, fil-Port il-Kbir issir ir-Regatta tal-Vitorja hekk kif l-interess qed jerġa’ jikber għal dawn it-tiġrijiet tradiz­zjonali. 

Bħas-soltu, ir-Regatta se tkun maqsuma f’żewġ kate­goriji – dik Open u dik “B”.  Dan l-avveniment jiftaħ bit-tiġrija tal-frejgatini tan-nisa.

L-aħħar edizzjoni, l-Aggregate Shield ġiet mirbuħa mill-Birgu wara li sentejn ilu kienu rebħuha flimkien ma’ Bormla meta kisbu punti ndaqs.

Dan ifisser li s-sena li għaddiet kien it-tielet suċċess għall-Ġirbin li wasal wara 40 sena li rebħu l-Aggregate Shield waħedhom, jiġifieri, fl-1984 … meta kienu kisbu wkoll il-monopolju ta’ Bormla li kienu ġejjin minn sitt rebħiet konsekuttivi, bejn l-1978 u l-1983.

Ir-Regatta tas-sena li għaddiet kellha  tmiem mill-aktar eċċitanti meta l-Birgu rebħu l-aħħar tiġrija, dik tal-tal-Pass ta’ b’Erbgħa, biex proprju qabżu lill-favoriti, l-Isla, fil-klassifika finali b’żewġ punti.

Kategorija B intrebħet minn Bormla għat-tielet darba konsekuttiva u għal total ta’ 18-il darba meta filwaqt li huma reb­ħu l-aħħar tiġrija, il-Kalkara, li dehru li se jo­ħorġu rebbieħa, ma kklassifi­kawx minħabba li kellhom in­ċi­dent mad-dgħajsa tal-   Birgu.    

Għaldaqstant, il-Bormliżi jimmiraw li jilħqu r-rekord tagħhom stess ta’ erba’ suċċessi konsekuttivi li kienu rreġistraw bejn l-2016 u l-2019.

Peró, ir-rekord assolut huwa dak ta’ ħames rebħiet nfila li huma stess kienu waqqfu bejn l-1996 u l-2000.

Bħas-soltu tmien timijiet  se jieħdu         sehem f’din ir-regatta li jinkludu lil Birżebbuġa, Bormla, Isla, Birgu, Marsamxett, Marsa, Kalkara u Siggiewi, b’dawn tal-aħħar tkun ir-raba’ darba ta’ parteċipazzjoni.

F’kull kategorija jkun hemm ħames tiġrijiet – (1) Dgħajjes tal-Midalji; (2) Frejgatini; (3) Tal-Pass ta’ Bi Tnejn; (4) Kajjikki; (5) Tal-Pass ta’ b’Erbgħa.

Ir-Regatta tiftaħ bit-tiġrija tal-frejgatini tan-nisa fejn mistennija tkompli d-dominanza taż-żewġ qaddiefa Shazel Grima u Glynis Mizzi li bħala tmunier se jerġgħu jkollhom lil Dale Scicluna. 

L-ewwel tiġrija tibda fis-1.00 pm.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport