Sunday, December 22, 2024

Illum it-tebut tar-Reġina Eliżabetta II jittieħed lejn Londra

Il-mewt ta’ prinċipessa li kienet tgħix f’villa fi Gwardamanġa ... telfa b’diversi sinjifikati għalina l-Maltin.

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Wara li l-Ħamis li għadda ħarġet l-aħbar tal-mewt tar-Reġina Eliżabetta II tar-Renju Unit fl-età ta’ 96 sena, l-attenzjoni tad-dinja kollha daret fuq il-familja rjali Ingliża b’antiċipazzjoni għat-tibdil fil-monarkija Ingliża u ċ-ċerimonji marbuta ma’ din it-telfa ta’ mexxejja influwenti li kienet ilha fuq it-tron Brittanniku għal dawn l-aħħar 70 sena. 

Fi pjanijiet li kienu ilhom ippreparati għal ħafna snin taħt il-Kodiċi “London Bridge” b’amalgamazzjoni ma’ pjanijiet alternattivi f’każ, kif fil-fatt seħħ, li r-Reġina Eliżabetta tmut fl-Iskozja, bil-kodiċi “Operation Unicorn”, illum it-Tlieta t-tebut tagħha mistenni jittajjar lejn Londra u jittieħed fil-palazz ta’ Buckingham. 

Illum ukoll, huwa ppjanat li ssir prova tal-purċissjoni tal-funeral tar-Reġina Eliżabetta II fejn mill-Palazz Buckingham, it-tebut tagħha jmur fil-Palazz ta’ Westminister. 

Kif din it-telfa tmiss lilna l-Maltin

Lokalment ukoll huma ħafna l-persuni li b’interess qegħdin isegwu mill-viċin dak li qiegħed jiġri bħalissa fir-Renju Unit. Għalina l-Maltin, il-mewt tar-Reġina Eliżabetta għandha diversi sinjifikati b’mod speċjali għall-fatt li pajjiżna kien taħt il-ħakma tal-Ingliżi bejn l-1800 u l-1964 u kien proprju f’Malta li r-Reġina Eliżabetta II f’żgħożitha kienet qattgħet ħafna ħin ma’ dak li wara sar żewġha – Philip Mountbatten. 

Fil-fatt, minħabba li Philip wara t-Tieni Gwerra Dinjija kien stazzjonat f’Malta bħala uffiċjal tal-Qawwa Navali Ingliża, din il-koppja qattgħet parti sostanzjali mill-għerusija tagħha f’Malta. Dan seħħ bejn l-1946 u l-1952. Huma kienu joqogħdu f’villa fi Gwardamangia u hemm min isostni li r-Re l-ġdid tar-Renju Unit, Charles III, kien fil-fatt konċeput f’pajjiżna. 

Ir-Reġina Eliżabetta kienet tħobb ħafna tiġi Malta fejn kienet ikkwotata li qalet li wieħed mill-aħjar żmienijiet ta’ ħajjitha kien meta kienet tgħix f’Villa Gwardamangia minħabba li hawnhekk hija setgħet tgħix “ħajja normali”. Ir-Reġina kienet żaret din il-proprjetà fiż-żjara statali li kellha f’Malta fl-1992 u fl-2007 hija u d-Duka ta’ Edinberra ċċelebraw is-60 anniversarju taż-żwieġ tagħhom hemmhekk.

Ta’ min isemmi wkoll li fil-perjodu li ġensna kien taħt l-Ingliżi, kienet seħħet il-ġrajja traġika tas-Sette Giugno. Fil-jum tas-7 taħ’ Ġunju tal-1919 kienu tilfu ħajjithom Maltin fi protesti li saru fil-Belt Valletta minħabba l-qgħad, il-ġuħ u l-kundizzjonijiet miżeri li kellna taħt il-ħakma Ingliża, kundizzjonijiet li aggravaw bl-introduzzjoni ta’ taxxi ġodda. Din il-ġrajja, ukoll, hija parti mill-Istorja tagħna mar-Renju Unit.

L-unika żball … meta mietet Diana

Ir-Reġina Eliżabetta II kienet maħbuba ħafna b’mod speċjali għall-ħidma intensiva tagħha biex tkun viċin il-poplu Ingliż wara wegħda li għamlet fl-1992 – dak magħruf bħala l-‘annus horribilis’. Dan kien l-agħar perjodu tul it-tmexxija tagħha bħala Reġina tar-Renju Unit minħabba li din is-sena partikolari kienet mimlija bi skandli rjali. 

Kien f’din is-sena li ħareġ fil-miftuħ l-inkwiet kbir u serju bejn il-Prinċep u l-Prinċipessa ta’ Wales – Charles u Diana; li d-Duka u d-Dukessa ta’ York isseparaw; li l-Prinċipessa Anna ddivorzjat u li l-Kastell ta’ Windsor inħakem min-nirien kbar. Hawnhekk l-opinjoni pubblika kienet daret kontriha iżda r-Reġina, filwaqt li ammettiet li l-monarkija għandha taċċetta kritika, wegħdet bidla pożittiva u fl-istess ħin iżżomm stabbli l-istituzzjoni u l-kontinwazzjoni tagħha.

Fis-snin twal li għamlet bħala l-kap tal-familja rjali Ingliża, ir-Reġina Eliżabetta II fil-fatt, ftit li xejn kienet ikkritikata. Forsi l-aktar darba li n-nies ħaduha kontriha kien proprju meta mietet il-Prinċipessa Diana. 

Hija kienet ukoll fl-istess post fl-Iskozja fejn mietet meta lura fl-1997 ħarġet l-aħbar tal-inċident fatali li fih mietet l-eks mara ta’ binha Charles. L-iżball li ħafna jsostnu li għamlet ir-Reġina Eliżabetta II kien dak li, minkejja telfa bħal din fil-familja stess u għall-poplu Ingliż, hija baqgħet fl-Iskozja minflok marret Londra biex tindirizza lin-nazzjon. 

Ħafna Ingliżi u anke sostenituri ta’ Diana ħassew li l-imġie=ba jew aħjar “l-indifferenza” tar-Reġina f’dik iċ-ċirkostanza traġika, kienet wisq ovvja. Però, tajjeb li wieħed jgħid ukoll li min-naħa tagħha r-Reġina Eliżabetta II kienet għamlet ħilitha kollha biex tara kif tista’ ssalva ż-żwieġ bejn binha illum ir-Re Charles III u r-Reġina tal-Qlub Diana, kif ukoll li kienet nanna maħbuba ħafna mill-Prinċipijiet William u Harry, ulied l-istess Charles u Diana.

L-aħħar tislima

Ir-Reġina Eliżabetta II se tingħata l-aħħar tislima b’funeral statali nhar id-19 ta’ Settembru b’ċerimonja fil-kappella ta’ San Ġorġ fil-Kastell ta’ Windsor f’Berkshire. It-tebut tagħha se jindifen fil-King George VI memorial chapel li jinsab biswit il-kappella prinċipali li fiha hemm midfuna ommha u missierha flimkien mal-irmied ta’ oħtha, il-Prinċipessa Margaret.

It-tebut tar-raġel tagħha Philip, li miet inqas minn sena ilu, mill-vault rjali se jiġi trasferit fil-memorial chapel ħalli jitpoġġa ma’ dak tar-Reġina Eliżabetta II.

Ekonomija

Sport