Saturday, December 21, 2024

Illum jaħbat il-153 anniversarju mit-twelid tal-poeta nazzjonali

Aqra wkoll

Dun Karm Psaila kien imwieled f’Ħaż Żebbuġ fit-18 ta’ Ottubru tal-1871. Illum huwa propju l-153 sena anniversarju tat-twelid tal-Poeta Nazzjonali Malti.
Dun Karm fl-1885 daħal fis-Seminarju Minuri u tliet snin wara f’dak Maġġur biex
jibda t-triq tas-saċerdozju.

Studja l-Filosofija fl-1888 u t-Teoloġija fl-1890 fl-Università ta’ Malta. Dun Karm ġie ordnat qassis ta’ 23 sena fl-1894. L-ewwel poeżija ippubblikata magħrufa tiegħu hi, ‘La Dignita Episcopale’ li kien kiteb fl-1889.

Fl-1896 ħareġ l-ewwel ktieb ta’ versi bit-Taljan, ‘Foglie d’alloro’, ġabra ta’
37 poeżija li kiteb meta kellu bejn is-17 u l-24 sena. Fl-1903 kien ippubblika wkoll ‘Versi’, kollezzjoni oħra ta’ poeżiji bit-Taljan.

Waħda mill-ġrajjiet koroh li ħallew effett kbir fuqu kienet il-mewt ta’ ommu fl-1909. Ma’ din il-kriżi ssieħbet oħra ftit wara meta fl-1910 l-awtoritajiet tal-Knisja ġiebu minn Ruma lill-Kardinal La Fontaine biex jifli l-qagħda ekkleżjastika tal-gżira.

Ir-riforma laqtet sewwa lis-seminarju fejn kien jgħallem Dun Karm u ġiebet bidla sħiħa fil-ħajja tal-poeta għax ma tħallewx jgħixu u jorqdu aktar fil-bini tas-seminarju. Minn issa ’l quddiem, Dun Karm sab ruħu maqtugħ mill-ambjent li ħabb u beda jgħix f’solitudni kbira.

Hu stess jistqarr li sab ruħu “midfun ħaj fi tliet kmajriet fil-Belt Valletta fejn ma kont naf lil ħadd u ħadd ma kien jafni”. Imma f’din id-dar li tinsab fi Triq l-Ifran fil-Belt Valletta u li għex fiha f’iżolament sħiħ għal 26 sena kiteb uħud mill-aqwa xogħlijiet tiegħu.

Kien fl-1912 meta għodwa waħda, Mons. Pawl Galea u Ġużè Muscat Azzopardi ltaqgħu miegħu fil-Palazz ilBelt Valletta u talbuh jiktbilhom poeżija bil-Malti għal
rivista bl-isem “Il-Ħabib”. Kellha tkun din l-okkażjoni li wara snin twal ta’ kitba
bit-Taljan ħajritu jibda jikteb bil-Malti.

L-ewwel poeżija ta’ Dun Karm bil-Malti, Quddiem Xbieha tal-Madonna dehret fl-ewwel ħarġa ta’ “IlĦabib” fl-1 ta’ Frar 1912. Kellu 40 sena. Minn dakinhar Dun Karm baqa’ jikteb bil-Malti u poeżiji bħal L-Innu Malti, L-Għanja tar-Rebħa, Lil Malta, Għal Dun Mikiel Xerri, Lil Mikiel Anton Vassalli u Wied Qirda wassluh biex ikun magħruf bħala l-poeta nazzjonali.

Imma aktarx li l-aqwa biċċa xogħol tiegħu hi Il-Jien u Lil hinn Minnu – poeżija
twila li hu stess iddefinieha bħala “għanja tal-moħħ, talqalb u tar-ruħ”. Fl-1920, Dr A.V. Laferla, id-Direttur tal-Edukazzjoni, kien talab lil Dun Karm biex jikkomponi xi versi għal biċċa mużika tal-Mro. Robert Sammut.

L-innu li ħareġ kien l-Innu Malti, li ndaqq għall-ewwel darba fl-1923. Fl-1941 dan
l-innu ġie rikonoxxut bħala l-Innu uffiċjali ta’ Malta. Fl-Indipendenza tal-1964 kien
daħal ukoll fil-Kostituzzjoni ta’ Malta.

Ekonomija

Sport